L-MEP Engerer b'laqgħat ta' konsultazzjoni fuq proposta ambjentali mill-Kummissjoni Ewropea

Din il-proposta 'revoluzzjonarja' se tkun qed tbiddel il-mod ta' kif ristoranti u ħwienet tal-kafè, fost oħrajn, iservu l-ikel u x-xorb

"L-ambizzjoni ambjentali hija prijorità, iżda soluzzjoni waħda għall-Istati Membri kollha u għal setturi diversi mhux se taħdem." Hekk qal il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer waqt laqgħat ta’ konsultazzjoni li kellu mal-Kamra Maltija tal-SMEs u l-Kamra Maltija tal-Kummerċ fid-dawl ta' proposta ġdida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ambjent. 

L-MPE Engerer saħaq dwar l-importanza li kontinwament ikun f’kuntatt mal-famiji u n-negożji Maltin u Għawdxin. Hu talab għal dawn il-laqgħat fid-dawl ta’ proposta riċenti tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent li fost l-oħrajn se tkun qed tbiddel il-mod kif ristoranti, barijiet, ħwienet tal-kafè u lukandi jservu l-ikel u x-xorb

“Mhux qed ngħid li ma għandux ikollna l-miri ambjentali kbar li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea, iżda li kull settur għandu jiddentifika hu nniffsu kif jasal għalihom skont ir-realtajiet tas-settur u skont ir-realtajiet tal-pajjiż”, qal Engerer.

Engerer sostna illi fost l-ikbar sfidi li ġġib magħha din il-proposta huwa l-mod kif il-Kummissjoni Ewropea tefat lill-pajjiżi, is-setturi kollha milqutin taħt keffa waħda. Qal ukoll li din il-proposta naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni r-realtijiet differenti madwar l-Ewropa. Eżempju ta' dan huwa relatat ma' stabilimenti ta' take-away li jinsabu f'reġjuni turistiċi. Dawn se jiffaċċjaw aktar diffikultajiet biex il-konsumaturi jużaw kontenituri li jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw.

L-MPE Engerer kompla jgħid li l-SMEs ta' pajjiżna u l-konsumaturi diġà qegħdin taħt pressjoni kbira fid-dawl tar-realtajiet tal-inflazzjoni li ġabet magħha ll-pandemija u l-Gwerra fl-Ukrajna. Sostna li f’din il-klima "m’hemmx lok għal obbligi restrittivi żżejjed meta nistgħu niksbu l-istess riżultati billi nsaħħu permezz skemi ta’ riċiklaġġ diġà eżistenti."

“Nemmen li n-negozji għandu jkollhom l-għazla fuq il-metodu li se jwassalhom biex jilħqu l-miri ambjentali. Din l-għazla għandhom jagħmluha skont ir-realtajiet tal-industrija tagħhom u l-investimenti li diġa’ għamlu f’dan il-qasam. Għandu jkollna taħlita ta’ miżuri li tinkludi tnaqqis, użu mill-ġdid u riċiklaġġ u għandu jkun hemm flessibbiltà fl-għażla ta’ dawn il-miżuri. Dan huwa dak li se nipproponi fil-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew,” kompla Engerer. 

Il-proposta tal-Kummissjoni bħalissa qed tiġi eżaminata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħala koleġiżlaturi. Iż-żewġ Istituzzjonijiet mistennija jivvutaw dwar din il-proposta sal-aħħar tas-sena bil-mira ewlenija tkun dik li l-liġi tiġi adottata qabel tmiem il-leġiżlatura Parlamentari fl-2024.

Sadanittant l-MPE Engerer qal illi se jkompli jaħdem biex jiżgura li l-prodott finali li joħroġ minn dawn in-negozjati jqis l-interessi tal-Istati Membri ż-żgħar, tac-cittadini u tal-għajxien tan-negozji u l-SMEs tagħna.

More in Politika