Il-Qorti tilqa' t-talba tal-Gvern biex jitnaqqas it-terminu ta' żmien li fih Steward tista' tappella

Il-Qorti naqqset dan it-terminu b'10 ijiem bil-PM Abela jindika li ladarba jinfetaħ Appell il-Gvern jagħmel talba biex dan jinstema' b'urġenza

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Gvern biex jonqos iż-żmien li fih Steward Healthcare tista' tiftaħ appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ċivili li ddikjarat il-kuntratt ta' konċessjoni ta' tliet sptaijiet null u ordnat lil din il-kumpanija biex tgħaddi l-proprjetà lura lill-Gvern. 

L-Imħallef Miriam Hayman osservat iili t-tnaqqis tat-terminu taż-żmien li fih jista' jsir appell, li bħalissa huwa ta' 30 jum, hija ta' natura eċċezzjonali hekk kif qed tittratta materja ta' ordni pubblika stabbilita bil-liġi.

"Il-Qorti tifhem l-oġġezzjonijiet ta' Steward, imma tirrkonoxxi li din il-kwstjoni hija waħda "ta' interess pubbliku profond" u li taffetwa servizzi ta' natura essenzjali, hekk kif titratta s-saħħa u l-flus tal-pubbliku.

L-Imħallef sostniet li minn naħa trid li Steward ikollhom biżżejjed żmien biex jiftħu appell studjat imma minn naħa l-oħra li tara illi din il-kwistjoni tkun riżolta kemm jista' jkun malajr. U għalhekk il-Qorti trid tara li jinħoloq bilanċ bejn id-drittijiet tal-partijiet. 

Għalhekk il-Qorti iddeċidiet li t-terminu ta' żmien għandu jitnaqqas għal 20 jum, xi ħaġa li twassal għal dan il-bilanċ. Il-PM Roberta Abela diġà indika li ladarba jinfetaħ Appell il-Gvern jagħmel talba biex dan jinstema' b'urġenza.

More in Politika