Robert Aquilina jgħid li post Joseph Muscat huwa l-ħabs għax hu 'l-perċimes' tal-kuntratt mal-VGH

Il-President ta' Repubblika Robert Aquilina kien qed jirreaġixxi għas-sentenza tal-Qorti mill-aktar skjaċċanti fil-konfront tal-kuntratt tal-VGH/Steward 

Robert Aquilina jwaħħal tabella mal-bieb tal-uffiċċju ta' Joseph Muscat
Robert Aquilina jwaħħal tabella mal-bieb tal-uffiċċju ta' Joseph Muscat

Waqt konferenza quddiem l-uffiċċju ta' Joseph Muscat il-President tal-Għaqda Repubbika Robert Aquilina sostna li "post Joseph Muscat u sħabu l-korrotti huwa fil-Ħabs ta' Kordin." 

Aquilina kien qed jirreaġixxi għas-sentenza tal-Qorti mill-aktar skjaċċanti fil-konfront tal-kuntratt tal-VGH/Steward u saħaq illi dejjem huwa oxxen u diżgustanti li jiġu ffrodati n-nies, imma huwa "ferm aktar diżgustanti u oxxen meta din il-frodi ssir fil-qasam tas-saħħa."

Dwar l-eks Prim Ministru Aquilina sostna li ħadd f'dan il-pajjiż ma jemmen li Muscat ħalla lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi "jgħaffġu waħedhom minn wara dahru u ma ndunax. Ħadd ma jemmen li Joseph Muscat ħalla dan id-deal skandaluż – bħal deals oħra skandalużi – f’idejn Konrad Mizzi mingħajr ma kien jaf x’tgħaffiġ, xi frodi u x’serq kbir kien qed isir." U għalhekk Aquilina sostna li Muscat allura mhuwiex biss korrott imma sejjaħlu Prim Korrott. U kien f'dan il-mument li waħħal tabella mal-bieb tal-uffiċċju ta' Muscat, li fuqha kien hemm miktub: " Joseph Muscat ... int il-Prim Korrott."

Huwa fakkar fl-istorja tal-konsulenza li Muscat qed jagħti lil Accutor, kumpanija marbuta ma' VGH/Stewardu li fl-fatt irċeviet miljuni minn dan l-istess ftehim. "Mill-ewwel għedna li mill-evidenza li qrajna dwarha fit-Times of Malta toħroġ riħa qawwija ta’ ħasil ta’ flus," sostna Aquilina. 

Huwa qal li Repubblika għalhekk organizzat din il-konferenza quddiem l-uffiċċju ta' Muscat f'Tal Pietà. Huwa qal li jġib kemm iġib "skużi" Muscat u "jhedded kemm jhedded lil dawk li kienu miegħu fil-Kabinett u jhedded kemm jhedded lil Robert Abela; il-perċimes ta’ din il-porkerija mhu ħadd ħlief hu."

Aquilina fakkar li ma kienx kompitu ta' din il-Qorti li tiddeċiedi kienx hemm membri tal-Gvern li huma kompliċi jew le, u fakkar li dan l-inkarigu huwa tal-Qorti tal-Maġistrati li bħalissa għaddejja b'kawża li Repubblika fetħet erba' snin ilu. 

"Fir-rikors tagħna – li kien fih xejn inqas minn 153 paġna – għedna u spjegajna kif il-Ministri Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna kienu taw vantaġġ inġust u illegali lis-sidien ta’ kumpanija privata biex tkun hi li tingħażel – kif fil-fatt seħħ – biex tidħol għal kuntratti b’valur ta’ iktar minn €2 biljun għat-tmexxija ta’ tliet sptarijiet tal-poplu Malti u Għawdxi. Din il-kumpanija ntagħżlet minkejja li ma kellha assolutament l-ebda esperjenza fil-qasam mediku. Tlabna dik l-inkjesta u fiha indikajna s-segwenti reati ta’ natura serja ħafna; reati li jġorru pieni twal ta’ ħabs: Ħasil ta’ flus, tixħim, konġura kriminali, falsifikazzjoni u finanzjament ta' assoċjazzjoni kriminali, fost oħrajn. 

Huwa qal li dan il-pass ħaditu Repubblika għax, skont hu, l-istituzzjonijiet  li suppost jipproteġuna kontra min iwettaq dawn ir-reati – partikolarment il-Korp tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, "kienu baqgħu ċassi quddiem dawn l-oxxenitajiet."

 

More in Politika