Attivisti jipprotestaw kontra ċirku ta' tlett ijiem li se jinkludi fih prestazzjonijiet minn żwiemel

Animal Liberation Malta, Real Animal Rights Foundation, Association for Abbandoned Animals AAA u Vuċi Għall-Annimali jgħidu li l-Cleopatra's Horse Show jaqa' taħt definizzjoni ta' ċirku u suppoost ma jitħalliex isir

Animal Liberation Malta, Real Animal Rights Foundation, Association for Abbandoned Animals AAA u Vuċi Għall-Annimali ħadu azzjoni billi marru quddiem l-uffiċċji tal-Veterinary and Phytosanitary Regulation Division (VRD) biex jipprotestaw għal dak li ddeskrivew bħala nuqqas ta’ azzjoni mid-Direttur tal-VRD milli jwaqqaf ċirku bl-isem Cleopatra's Horse Show, li huwa skedat li jsir f'Monte Kristo estates.

Attivisti tal-annimali marru bil-piġami u mħaded hdejn l-uffiċċji tal-VRD il-Marsa b’kartelluni li jgħidu “VRD wake up! Enforce the Law”, “VRD while you are snoozing animals are suffering”, “Zomm kwiet – hawn in-nies reqdin hawn.”

"Il-Cleopatra Horse Show jaqa' b'mod ċar taħt id-definizzjoni ta' ċirku u ma jistax jitħalla taħt il-leġiżlazzjoni attwali," qalu l-għaqdiet hekk kig fakkru li dan iċ-ċirku se jkollu żwiemel iwettqu prestazzjonijiet għal tlett ijiem wara xulxin. "Ikkuntattjana lill-VRD u infurmajnahom b’dan iċ-ċirku fl-eventwalità li ma kinux jafu. Apparti li ma weġibx il-komunikazzjoni tagħna, jidher li ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex dan iwaqqaf milli jiġri peress li l-ispettaklu għadu qed jiġi promoss sal-lum."

Huma qalu li dan kollu jikkonferma dak li ilhom jgħidu dwar ir-regolatur, jiġifieri li kemm-il darba għalaq għajnejh, għal ksur fl-Att dwar il-Benesseri tal-Annimali. "Barra minn hekk, minbarra l-kwistjoni li r-regolatur qed jonqos milli jinforza l-Att, l-Att dwar il-Benessri tal-Annimali nnifsu huwa dgħajjef, peress li l-multa amministrattiva talli tinkiser il-liġi u jsir ċirku hija biss €2,000."

"Irridu nieħdu wkoll l-opportunità biex nenfasizzaw il-fatt li l-Att dwar il-Benessri tal-Annimali kompla jiddgħajjef permezz ta’ bidliet riċenti fil-liġi li issa taw setgħat lill-VRD biex toħroġ “permess speċjali” biex isiru avvenimenti bhal dan," temmew jinnutaw l-għaqdiet.

More in Politika