Gideb, frodi, ħabi u laxkezza... Minn fuq dahar il-poplu! Kif Depasquale biċċer il-kuntratt tal-VGH

Adrian Delia rebaħ il-kawża, imma ftit kienu ppreparati għas-sentenza skjaċċanti u bla kantunieri tal-Imħallef Francesco Depasquale li prattikament ħareġ lil VGH u Steward ta' giddibin u frodisti u kumpaniji li riedu jistagħnew minn fuq dahar il-Maltin. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn is-sentenza ta' kundanna... 

Is-sentenza tal-Imħallef Francesco Depasquale ma kienet xejn jekk mhux l-akbar daqqa ta' ħarta u l-aktar doċċa kiesħa fuq proġett li kien - mill-bidu nett tiegħu - ikkaraterizzat minn  kontroversji, nies dubjużi, flejjes u riżultati xejn. Id-deċiżjoni tal-Qorti fiha 136 paġna u huma probabbli ftit dawk li għandhom ħin jew interess li jaqrawha kollha. Għalhekk f'dan l-artiklu se nagħtu ħarsa qasira lejn dak li kellu xi jgħid l-Imħallef dwar in-nies li kienu fil-qalba ta' dan l-iskandlu  

Gvern ta' Muscat: Minn akkużi ta' 'dilettantiżmu' għal deċiżjonijiet li l-Qorti ma tistax tifhem 

Il-Qorti kienet iebsa fil-konfront tad-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Gvern immexxi minn Joseph Muscat. Daqs kemm huwa dmir tad-Deputat - f'dan il-każ Adrian Delia -  li jisfida deċiżjoni tal-Gvern fuq proprjetà tal-poplu, daqstant ieħor il-Qorti fis-sentenza tagħha tgħid li huwa d-dmir ta' nies li qed jiddeċiedu f'isem il-Gvern li jaraw illi t-trasferiment ta' proprjetà tal-poplu issir fl-aħjar interess tal-istess poplu. Kif għandu jagħmel, tkompli tgħid il-Qorti, l-Avukat Ġenerali li għandu jassigura li din il-parti li tkun ingħatat proprjetà tal-Gvern tagħmel sehemha bħala ritorn għall-konċessjoni. Xi ħaġa li tul is-sentenza l-Qorti tgħid u tfakkar li fil-fatt ma sarx.  

Mhux talli hekk, talli l-Qorti akkużat lil dawk li raw illi l-proġett jingħata lill-VGH b'dilettantiżmu u laxkezza. Is-sentenza tgħid hekk: "Din il-Qorti, madanakollu, ma tistax ma tosservax il-metodoloġija laxka u xejn professjonali, kważi kważi dilettantesk, illi biha persuni fdati mill-Gvern sabiex jevalwaw u jaġġudikaw il-proġett kif ukoll sabiex imexxu l-proċess kollu li wassal għall-kuntratti mogħtija lis-soċjeta’ Vitals, operaw bih tul il-proċess kollu."  

Ċertifikat xejn sabiħ għal Gvern ta' Muscat. Huwa jfakkar li fil-fatt il-Gvern kellu l-obbligu illi jara illi l-ftehim ikun onorat tul iż-żmien kollu tal-konċessjoni.  

Kif jista' jkun? 

Il-Qorti permezz ta' din is-sentenza qalet illi hija imħassba kif persuni responsabbli f'awtoritajiet tal-Gvern, setgħu qatt jidħlu f'arranġament u ftehim bħal dan bl-obbligi li huma daqstant kbar u ta' riskju fuq il-Gvern u saħqet illi "trid temmen li dan l-obbligu kien sfurzat fuqhom... possibbilment riżultat ta’ inġenwita’, jekk mhux pressjoni sabiex il-proġett oriġinali jibqa’ vijabbli." 

Ħabi 'deliberat', tragwardi 'farsa' u kollox favur il-VGH 

Il-Qorti nnutat illi l-Gvern ħeba b'mod deliberat - jiġifieri apposta - il-Concession Milestones, jiġifieri dak li kellha tagħmel il-kumpanija mill-kuntratt li ġie ppreżentat quddiem il-Parlament. Il-fatt illi l-Imħallef uża l-kelma 'deliberatament' hija serja, għaliex qed jimplika li l-Gvern u l-Ministru Konrad Mizzi kienu qed jaħbu informazzjoni kruċjali dwar il-proġett, li tista' turi - kif eventwalment uriet -  illi l-VGH u Steward warajhom ma żammew ma' ebda tragwardi li kienu qed jitħallsu għalihom, wara kollox u li allura kienu qed jiksru t-termini tal-kuntratt. 

Mhux talli hekk talli, il-Qorti tisħaq li l-VGH u Steward għamlu farsa sħiħa minn dawn it-tragwardi. Il-Qorti qalet ukoll illi huwa ċar li l-ebda tragward ma kien milħuq u aktar minn hekk, ingħataw estensjoni wara l-oħra u xorta ma għamlux dak li kellhom jagħmlu sal-lum il-ġurnata.  

Aktar minn hekk, fi klawżola mill-ġdid moħbija mill-Parlament, jingħad illi jekk il-VGH u Steward warajhom ma jżommux mad-dati stipulati "il-multi ma japplikawx" u jkunu jistgħu jestendu għal darba oħra.  

Kollox maħdum bizzilla biex f'dan il-kuntratt il-VGH tmur minn fuq! 

Inkredibbli! 

Inkredibbli mhux fis-sens pożittiv, imma fis-sens ta' xi ħadd li ma jistax jemmen dak li qed jisma' jew jara!  

Huwa b'dan l-aġġettiv illi l-Imħallef Depasquale ddeskriva d-deċiżjoni tal-Gvern li jaċċetta li l-VGH tbigħ il-konċessjoni tagħha wara li din ma għamlet xejn, ħlief xorbot mit-taxxi tan-nies.  

Fil-fatt il-Qorti tgħid hekk:  "Il-Gvern ta’ Malta, hekk kif deher ċar li s-soċjetà Vitals kienet qiegħda tikser l-ftehim, flok ma għadda biex iħassar il-ftehim fuq nuqqas ta’ adozzjoni tal-obbligi kuntrattwali tal-Vitals u għalhekk jieħu lura pussess tal-propjetajiet sabiex...inkredibbilment issokkomba u aċċetta tibdil fil-ftehim." 

Il-Qorti kienet qed tirreferi għall-bidliet li permezz tagħhom il-VGH ingħataw estensjoni ta' 18-il xahar ieħor - jiġifieri sena u nofs - biex ilaħqu mat-tragwardi. Xi ħaġa li xorta ma għamlux.  

Il-'famuż' MOU li pprepara t-triq biex il-VGH jirbħu żgur 

Is-sentenza tal-Qorti tpinġi linja ta' avvenimenti li - il-Qorti stess tgħid - kienu magħmulin apposta biex ikun aċċertat illi l-Vitals Global Healthcare jirbħu dan it-tender.  

Kollox beda fl-10 ta' Ottubru 2014 - minn wara dahar kulħadd, inkluż offerenti li setgħu kienu interessati, minn wara dahar in-nies u naturalment minn wara dahar il-Parlament. Fil-fatt il-Qorti tinnota kif matul dan il-ftehim sigriet li għalih attendew l-ogħla uffiċjali tal-kumpaniji li jiffurmaw il-VGH, il-Gvern qabel li meta jibda l-proċess - suppost kompettitiv -  huwa ma jitkellem ma' ħadd ħlief mal-VGH. 

Il-Qorti fil-fatt qalet hekk: "Jirriżulta illi l-Gvern obbliga ruħu, f’tali ftehim, illi ma jinnegozja ma’ ħadd dwar l-Isptar ta’ Għawdex waqt illi l-ftehim (MOU) kien viġenti, liema kundizzjoni kellha tibqa’ viġenti sa l-aħħar ta’ Frar, jew sa meta kien għadu validu il-ftehim bejn il-Gvern u l-investituri." 

Agħar minn hekk il-Gvern aċċetta li jagħti informazzjoni minn qabel, biex il-VGH ikunu f'pożizzjoni aħjar biex jirbħu t-tender huma! Fi ftit kliem, Konrad Mizzi  f'isem il-Gvern, qabel li jagħti d-dettalji ta' x'għandhom bżonn jipproponu l-VGH biex meta eventwalment il-Gvern jibda l-proċess, tkun hi li tirbaħ il-konċessjoni. 

Ma jistax ikollok proċess aktar vvizzjat u oxxen minn hekk! 

U biex ngħaqqdu d-dunque il-Qorti tfakkar li saret laqgħa nhar it-23 ta' Novembru 2014 illi fiha l-"investituri" - Mark Pawley għal Bluestone, Ram Tumuluri għal Portpool u Ashok Rattehalli għas-soċjeta’ AGMC mill-parti ‘l waħda u Gupta għal Medical Associates of Northern Virginia, "fejn dawn kienu diġà qed jiftiehmu kif se jaqsmu l-profitti tal-proġett."  

Jiġifieri kienu diġà jafu kemm se jaqilgħu qabel biss infetaħ il-proċess, għat-taparsi, kompettitiv.  

Sa dak iż-żmien - apparti San Luqa, Karin Grech u dak ta' Għawdex kien qed ikun ikkunsidrat ukoll li l-VGH jieħdu taħt idejhom ukoll l-Isptar St Philips.  

Il-VGH qatt ma għarrfet lil Projects Malta dwar dan il-ftehim.  

Il-Gvern jassumi responsabilità ta' €136 miljun 

U l-istorja tkompli.  

Il-Qorti tfakkar li fil-ftehim - biex aktar ikun jiffavorixxi lill-VGH/Steward il-Gvern assuma fuqu nnifsu r-responsabilità ta' djun kollha mal-bank BOV, liema djun ilaħħqu is-€36 miljun kif ukoll penali ta' €100 miljun jekk il-Gvern jannulla l-ftehim, anke jekk VGH/Steward ma jwettqux dak mifthiem.  

VGH/Steward 

Pero' l-aktar skjaċċanti, kien il-kliem li l-Imħallef Depasquale rriserva għal Steward Healthcare li kien l-aktar iebes. Is-sentenza tal-Qorti tgħid ċar illi minkejja li tinsab ċerta mill-intenzjnonijiet tajbin tal-Gvern, il-ħsieb ta' Steward Healthcare seta' kien dak illi jsiru sinjuri minn fuq dahar il-poplu u t-taxxi li jħallas.  

Il-Qorti fil-fatt sostniet li ma għandha ebda dubju li meta Steward Healthcare ħadet taħt idejha dawn l-ispatrijiet kienet konxja tal-kawża li fetaħ Delia u li kien fid-dawl ta' dan li sar il-kuntratt li sar magħha, inkluż li l-Gvern kellu jħallas djun u penali jekk iwaqqa' il-kuntratt - anke jekk huma stess ma jwettqux dak mifthiem.  

Fil-fatt f'paragrafu mill-aktar qawwi l-Qorti tgħid hekk:  

"Din il-Qorti ma għandha ebda dubju wkoll illi tiddikjara li tali kundizzjonijiet kienu riżultat ta’ aġir frawdolenti tas-soċjetà Steward li riedet iddawwar favur tagħha sitwazzjoni kkawżata minn azzjoni frawdolenti tal-preċedessuri tagħha bil-għan illi tagħmel arrikkiment indebitu minn fuq dahar il-Gvern ta’ Malta u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin." 

Fi kliem ieħor il-Qorti qed takkuża lil VGH/Steward illi dan il-kuntratt kien pjan minn naħa tagħhom biex isiru sinjuri minn fuq daharek.  

Il-Qorti saħansitra takkuża lill-kumpanija li l-aġir tagħha seta' kien saħansitra "kriminali."  

Provi: Ftit li xejn! 

Il-Qorti nnutat kif minkejja dawn l-akkużi u nuqqasijiet kollha, l-unika prova li ġabet il-kumpanija - li issa qegħda saħansitra thedded - huwa affidavit minn Inġinier u ritratti, fosthom ta' toilet li l-isptar għamel għat-telefon operator.  

Apparti toilet, ma nġiebet ebda prova li sar ix-xogħol fuq 50 sodda fl-Isptar Karin Grech, ebda prova ta' 80 sodda li Steward għamlu fl-Isptar San Luqa, ix-xogħol ta' bini ġdid fl-isptar ta' Għawdexc ma tlestiex u t-Tourism Beds - għal turisti li jiġu Malta għal skopijiet ta' saħħa - lanqas biss kienu diskussi, aħseb u ara kemm saru. 

U fil-fatt wieħed kull ma jrid jagħmel huwa li jmur sa Gwardamangia biex jara b'għajnejh kemm sar xogħol fuq l-Isptar San Luqa, għax jaqa' biċċiet u jaqa' biċċiet baqa'.  

Abbuż u aktar gideb 

Il-Qorti akkużat lill-VGH illi saħansitra abbużat mill-pożizzjoni tagħha biex il-Gvern jagħtiha l-informazzjoni kollha minn qabel. Il-Qorti qalet hekk: "Vitals Global Healthcare Limited abbużat mill-informazzjoni diġà a konoxxenza tal-investituri tagħha, sabiex tippreżenta proġett li ma setax ma jiġix aċċettat mill-Gvern ta’ Malta, liema Gvern kien diġà kkommetta ruħu, fil-programm elettorali tiegħu li bih kien ġie elett sentejn qabel, li jtejjeb l-Isptarijiet ta’ Malta u Għawdex, u li għalhekk kien marbut politikament sabiex jattwa dak li wiegħed." 

Depasquale sostna li l-VGH qarrqu b'kulħadd u bellawha lill-awtoritajiet li għandhom fondi ta' biljuni ta' ewro, xi ħaġa li maż-żmien irriżultat bħala falza hekk kif Rapport tal-Awditur Ġenerali kien juri li l-VGH kellha biss madwar €1,000 f'kapital.  

"Il-fatt illi s-soċjeta’ Vitals Global Healthcare Limited, xjentement, għażlet illi żżomm mistur l-eżistenza tal-Memorandum of Understanding tal-10 ta’ Ottubru 2014, mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni, hija indikazzjoni ċara tal-intenzjoni frawdolenti illi hija kellha fil-mument illi ppreżentat il-proposta tagħha lill-Gvern, liema intenzjoni frawdolenti kienet tali illi wasslet lill-Gvern sabiex jaċċetta l-proposta tas-soċjetà Vitals, bl-impressjoni illi l-istess soċjeta’ kienet f’pożizzjoni illi tattwa dak minnha imwiegħed – impressjoni li eventwalment ġie ppruvat li kienet waħda erroneja, peress illi kollox sfuma fix-xejn hekk kif is-soċjetà Vitals bdiet tikser kull waħda mill-obbligi u tragwardi minnha aċċetatti." 

Adrian Delia: Qeda dmiru bħala Deputat 

Fil-konsiderazzjonijiet tiegħu għall-oġġezzjonijiet li qajmu Steward Healthcare il-Qorti tfakkar li bħala Rappreżentant tal-poplu Adrian Delia kellu kull dritt, anzi dover, li jikkontesta deċiżjoni tal-Gvern bil-għan li dik id-deċiżjoni titħassar.  

Il-Qorti saħqet hekk: "Huwa dmir ta’ membru tal-Kamra tad-Deputati illi jipproteġi l-interessi taċ-ċittadin li jkun eleġġieh sabiex jirrappreżentah u jassigura ruħu li propjetajiet tal-Gvern jingħataw lil terzi skont il-liġi u l-aħjar interess taċ-ċittadin." 

Konrad Mizzi: Mhux Ministru imma l-proġett tal-VGH baqa' f'idejh! 

Konrad Mizzi, eks Ministru għall-Enerġija, Saħħa u anke Turiżmu - u politiku b'karriera qasira u kontroversjali - naturalment ukoll kien ċentrali f'kontrversji marbutin mal-kumpanija tiegħu fil-Panama - naturalment issemma' diversi drabi fis-sentenza tal-Qorti.  

Il-Qorti qajmet diversi mistoqsijiet, fosthom kif Mizzi - minkejja li ma baqax Ministru tas-Saħħa u minkejja li minfloku kien hemm Chris Fearne, ir-responsabilità tal-proġett tal-Vitals baqa' f'idejh.  

Il-Qorti tispjega wkoll kif Mizzi għażel li ma jixhidx hekk kif ħarġu numru ta' fatti u ma offra ebda spjegazzjoni għall-fatt li hu ħa d-deċiżjoni li jibqa' jestendi l-miri li magħhom kellhom ilaħħqu l-VGH u Steward. 

"Konrad Mizzi... minkejja li ma kienx għadu Ministru tas-Saħħa, għal raġunijiet burokratiċi u oħrajn li ċertament ma għandhom ebda loġika u trasparenza u ħadd ma ta spjegazzjoni loġika għaliha, huwa kien għadu firmatarju għall-Gvern mas-soċjetajiet Vitals. Huwa ikkonċeda lis-soċjetajiet Vitals tlett snin oħra awtomatikament," tfakkar il-Qorti fir-rigward tal-estensjoni li ta l-istess Mizzi.  

L-Imħallef Depasquale jisħaq illi d-dubji u l-mistoqsijiet li għandha l-Qorti kellhom jitqajjmu wkoll minn dawk li suppost qed iħarsu l-interessi tal-Gvern, "u dan jinkludi wkoll lil Konrad Mizzi, kemm sa meta kien Ministru tal-Enerġija, Saħħa u Progetti meta ġew iffirmati l-ftehim oriġinali, u aktar u aktar meta, minkejja li ma kienx għadu Ministru tas-Saħħa, iffirma varji ftehimi oħrajn li emendaw l-ftehim oriġinali." 

Huwa qal li Mizzi konxjament kien hu li "naqqas id-drittijiet tal-Gvern" f'dan il-ftehim. Fil-fatt huwa jgħid illi dak li għamel ċertament ma kienx ta' benefiċċju għall-Gvern u ċ-ċittadin imma għal benefiċċju tal-VGH.  

Kien id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne stess li quddiem il-Qorti sostna illi kien iddiżappuntat dwar il-fatt li l-obbligi ma kinux qed jintlaħqu u li qal illi kieku ma kienx għalih lanqas il-ftit xogħol li sar, fil-fatt ma kien isir.  

Finalment Chris Fearne ukoll qal illi dakinhar li rriżenja Mizzi, f'dik il-laqgħa famuża tal-Kabinett li rat diversi riżenji, huwa kien qajjem ilment dwar kif l-istess Mizzi kien qed imexxi l-kwistjoni tal-Isptarijiet.  

More in Politika