Triq fil-Ħamrun tingħalaq għall-karozzi u ssir pedonali bi spazju rikreattiv għat-tfal

Sabiex din it-triq inbidlet minn waħda traffikuża għal waħda pedonali ġie installat pavimentar ġdid u gradi tal-ħadid mad-dawra tal-ispazju rikreattiv sabiex ikun spazju sigur għall-pubbliku

Il-bandli fit-triq li issa saret pedonali
Il-bandli fit-triq li issa saret pedonali

Fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, triq sekondarja biswit Pjazza San Pawl ingħalqet għat-traffiku u inbidlet fi triq pedonali bi spazju rikreattiv. Dan l-ispazju ġie inawgurat dalgħodu mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli fil-preżenza tal-kunsill lokali.

Sabiex din it-triq inbidlet minn waħda traffikuża għal waħda pedonali ġie installat pavimentar ġdid u gradi tal-ħadid mad-dawra tal-ispazju rikreattiv sabiex ikun spazju sigur għall-pubbliku. Il-bandli fih tagħmir differenti u inklużiv li jista’ jintuża wkoll minn persuni bi bżonnijiet speċjali.

Dan il-proġett kien iffinanzjat minn Trasport Malta permezz tal-iskema “European Mobility Week” u mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali permezz tal-iskema “Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u Għawdex.” L-investiment totali għal dan il-proġett jammonta għal madwar €60,000.

"Huwa ta’ sodisfazzjon li nara proġetti ta’ din in-natura jieħdu l-ħajja, speċjalment f’żoni tant urbanizzati bħal Ħamrun. Dan il-proġett huwa turija ċara ta’ dak li jrid ifisser il-Gvern meta jwiegħed u jwettaq proġetti b'infrastruttura għan-nies. Inħares ‘il quddiem li nara dan il-proġett jitgawda u aktar proġetti ta’ din in-natura jitwettqu f'aktar żoni madwar il-pajjiż,” stqarr il-Ministru Aaron Farrugia.

“Il-kunsilli lokali jafu l-aħjar il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti rispettivi tagħhom, għaldaqstant infaħħar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun li f’żona tant urbana ħasbu biex joħolqu triq pedonali bi spazju rikreattiv biex jitgawda mir-residenti tagħhom,” qalet is-Segretarju Parlamentari. Hija żiedet tgħid li l-gvern kommess li jibqa’ joħroġ skemi ta’ dan it-tip għaliex il-playing fields fil-lokalitajiet huma riżorsa importanti għar-rikreazzjoni, li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

Is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut spjega li dan il-proġett kien wieħed minn sensiela ta’ proġetti oħra ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni f’diversi toroq fil-Ħamrun. “L-għan ewlieni wara dawn il-proġetti kien li nattiraw aktar familji fiċ-ċentri tagħna,” tenna Sammut.  

More in Politika