'Jibqa' jkollna status quo bit-theddida li malli xi ħadd jinqaras iżżejjed immorru għan-nukleari'
Sena wara li bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna mal-ILLUM George Vital Zammit jitkellem dwar is-sehem tal-UE, il-lingwaġġ adottat, għaliex Putin mhux se jċedi l-Krimea u l-effett Amerikan fuq din il-gwerra...
minn Albert Gauci Cunningham
Għaddiet sena minn meta bdiet il-gwerra fl-Ukrajna wara l-invażjoni ta' Vladimir Putin, li kien diġà fil-fatt attakka u okkupa l-Krimea li wkoll kienet parti mill-Ukrajna. Wara li l-Ħadd li għadda l-ILLUM tat ħarsa lejn is-sitwazzjoni ekonomika u politika fir-Russja, f'dan l-artiklu se nkunu qed nitkellmu mal-Lettur u l-Analista Politiku George Vital Zammit dwar l-irwol politiku tal-UE u anke l-effetti tal-iżviluppi politiċi fl-Istati Uniti fuq din il-gwerra.
Minn rikonċiljatorja għal kliem iebes u armamenti
Nibdew billi nippreżentaw l-argument ta' bosta li jħossu illi l-UE adottat narrattiva iebsa ħafna mill-ewwel, xi ħaġa li jisħqu illi għalqet il-bibien għad-diplomazija wisq kmieni. Oħrajn jesprimu biżà jew tħassib dwar il-fatt li l-Unjoni Ewropea qegħda issa wkoll tforni l-armamenti. Jaħseb Vital Zammit, li dan l-argument jagħmlu min mhux qed jifhem l-urġenza u r-realtà kerha ta' din l-invażjoni?
Vital Zammit ma jaqbilx u jibda bi premura partikolari, jiġifieri li li dawn l-iżviluppi huma minnhom infushom bla preċedent, fis-sens li l-Unjoni Ewropea bħala blokk politiku qatt ma forna armamenti u qatt ma kellha President tal-Parlament Ewropew li tisħaq illi għandha tforni armamenti biex pajjiż jiġi mgħejjun.
"L-UE għandha tradizzjoni rikoniljatorja bħala soft power, jiġifieri li tmexxi b'negozjati jew timponi sanzjonijiet jew inkella lil pajjiż partikolari tgħidlu li mhux lest biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, ilkoll modi differenti ta' kif tuża l-poter imma b'negozjar mhux bi ġlied," qal Vital Zammit mal-ILLUM.
Huwa qal illi l-linja l-ħamra bejn dak li huwa aċċettabbli u dak li mhux, inqabżet meta r-Russja attakkat u okkupat il-Krimea, li aktar tard jispjega kemm fil-fatt hija kruċjali għal Putin. Jisħaq li meta l-eks President Amerikan Barak Obama ma tax il-piż meħtieġ lil din l-annessjoni, kien qed jibgħat messaġġ ħażin, messaġġ li Putin jista' juża l-forza u jagħmel li jrid.
"Naturalment hemm min huwa maħsud bil-lingwaġġ belliġeranti u iebes tal-Unjoni Ewropea għax ma aħniex imdorrijin b'dan it-tip ta diskors mill-UE," beda jispjega Vital Zammit. Huwa sostna li Putin issottovaluta lill-UE, kif dejjem issottovalutaha, "għax f'għajnejh il-qawwa tinsab f'pajjiżi kbar bħaċ-Ċina, l-Istati Uniti u l-Ġappun. Lil dawn jara bħala poteri, għalih il-pajjiżi ż-żgħar ma jiswew xejn." Huwa kompla jgħid li għalhekk, permezz tal-forza kollettiva ta' pajjiżi - inkluż dawk żgħar bħal Malta - l-UE permezz tal-kliem iebes tagħha qed tgħaddi messaġġ li dak li qed iseħħ fil-konfront tal-Ukrajna mhux aċċettabbli. Fakkar li l-Ukrajna applikat biex tidħol fl-Unjoni Ewropea li jkun ifisser - jekk tidħol - aktar fruntiera tal-UE mar-Russja, apparti fejn diġà hemm bħall-Finandja, l-Estonja, il-Latvja u anke l-art ta' Kaliningrad. Sostna li huwa għalhekk l-UE qed tadotta lingwaġġ pjuttost b'saħħtu fil-konfront tar-Russja.
'Kien hemm sinjali ċari li ma tajnix każ illi Putin ma kienx se jċedi lill-Ukrajna'
Imma minkejja dan il-ħafna kliem iebes, Putin ma tantx jidher li qed jimpressjona ruħu. Jaħseb allura Vital Zammit li din is-sena se naraw ċaqlieqa oħra u allura mill-UE li hija soft power u l-kliem iebes, issa għall-2023 mmorru għall-militarizzazzjoni.
Vital Zammit jibda billi jfakkar li l-politika relatata mad-difiża hija fost l-inqas li żviluppat f'termini ta' UE u dan hekk kif pajjiżi differenti għandhom politika differenti. Ikun hawn li jfakkar li fil-Kostituzzjoni Maltija hemm il-kunċett tan-newtralità.
Iżda huwa jgħid li din is-sena se tkun ħafna iktar importanti milli ħafna qed jaħsbu.
Ikun hawn li George Vital Zammit ifakkar li l-2023 hija s-sena ta' qabel l-elezzjoni fl-Istati Uniti li se tkun kruċjali ħafna għall-għajnuna lill-UE biex tkompli tgħin lill-Ukrajna, xi ħaġa li ma tistax tibqa' tagħmel waħedha. Ikompli billi jfakkar li kemm ilu jmexxi lir-Russja Vladimir Putin kien hemm ħames Presidenti Amerikani: Bill Clinton, George Bush Jnr, Barak Obama, Donald Trump u issa Joe Biden. Ifakkar ukoll li fi żmien Clinton u Bush kien għadu politikament dgħajjef ħafna tant li fl-2004 daħal il-Grupp tal-pajjiżi Vilnius fin-NATO minkejja r-reżistenza Russa, hekk kif jingħad li kien parti mill-ftehim ma' Mikhail Gorbachov biex in-NATO tibqa' 'l bogħod mill-fruntiera Russa.
"Putin allura kien qisu aċċetta li dawk jidħlu, imma ma kienx se jaċċetta li tidħol l-Ukrajna wkoll fin-NATO. U kien hemm sinjali ċari li ma konniex qed nagħtu każ," sostna Vital Zammit mal-ILLUM. "Sinjali li kienu juru illi Putin ma kienx se jċedi l-Ukrajna."
'Putin jilgħab għall-ħin sakemm fl-Istati Uniti jitla' l-President li jixtieq hu'
Reġa' dar fuq il-kwistjoni tal-elezzjoni Amerikana u mal-ILLUM il-Lettur u analista jisħaq li "Putin kien l-aħjar taħt Trump għax dan kien jaqbeż għalih." Fil-fatt ifakkar li darba kien mistoqsi fuq l-indħil Russu fl-elezzjonijiet Amerikani li raw lil Trump jirbaħ, bl-istess Trump jgħid li huwa jemmen lil Putin meta dan jgħid li ma kienx hemm indħil. Vital Zammit ifakkar li dan qalu meta l-FBI u s-CIA kienu qed juruh xorta oħra.
"Huwa vera li fi żmien Trump ma kienx hawn gwerra iżda huwa vera wkoll li Trump ma ħoloqx tfixkil għal Putin. U jekk Trump jerġa' jkun President - u din tista' sseħħ - din tkun kompletament gamechanger."
Kien hawn li George Vital Zammit innota kif l-Istati Uniti qed tagħti assistenza kbira lill-Ukrajna u jekk allura ma tibqax tingħata din l-għajnuna jew ma tibqax tingħata bl-istess kobor, jinbidel kollox.
"Għalhekk jiena nemmen li l-2023 se tkun sena illi fiha ftit se jinbidel- se tkun sena ta' aktar intransiġenza illi matulha Putin jilgħab għall-ħin sakemm fl-Istati Uniti jitla' l-President li jixtieq hu," sostna George Vital Zammit.
Huwa qal li jekk jibqa' Biden l-istorja tkun xorta oħra, hekk kif il-President kurrenti ġej mill-ġenerazzjoni tal-Gwerra Bierda.
'Xi ħadd irid jikkonvinċi lill-mexxejja jpoġġu bilqiegħda ma' mejda'
Huwa qal li hemm min huwa ottimist li l-Ukrajna se tagħmel avvanzi u timbotta lir-Russja lura, tant li saħansitra tirbaħ lura l-Krimea, xi ħaġa li qal illi jaraha impossibbli li ssir.
"Ir-Russja ma għandhiex port kbir li tista' tuża għan-Navy li ma jiffriżax fix-Xitwa. Kull ma għandha huwa l-Port ta' Sevastopol fil-Baħar l-Iswed u Tartus fis-Sirja - li hija alleat ta' Russja." Huwa qal li tant huwa importanti dan il-post illi meta ġie bumbardjat il-pont li Putin bena bejn Sevastopol u r-Russja huwa "rritalja bis-salvaġġ."
"Kif se tispiċċa din il-gwerra? Jiena nemmen li xi ħadd irid jikkonvinċi lill-mexxejja jpoġġu bilqiegħda ma' mejda biex jinstab kompromess fuq artijiet bħad-Donbas," qal Vital Zammit għall-mistoqsijiet tal-ILLUM.
Imma jemmen li hemm ċans ta' kompromess, wara t-theddid, kliem iebes u sanzjonijiet kollha li saru? U jekk hemm, min jemmen li jista' jġib lil dawn iż-żewġ estremi flimkien?
Huwa jirrimarka illi filwaqt li kien hemm mexxejja ewropej li ħadu pożizzjoni iebsa ħafna, fosthom l-eks PM Ingliż Boris Johnson, li kien qal illi Putin saħansitra heddu b'missili, li hemm oħrajn bħall-Franċiż Emmanuel Macron li żammew linja aktar diplomatika ma' Putin.
"Qed nara intransiġenza miż-żewġ naħat... Probabbilment l-affarijiet jibqgħu jittawlu u jkollna l-istatus quo dejjem bit-theddida li malli xi ħadd jinqaras iżżejjed immorru għan-nukleari. Huwa bluff? Nispera... U nispera wkoll li min qed imexxi ma jasalx san-nukleari għax ikun diżastru," temm jgħid mal-gazzetta ILLUM il-Lettur u analista George Vital Zammit.