Grech: Jekk jitlaq il-PN xi jsolvi? Għaliex hemm ċans tajjeb li ma jkun solva xejn

Id-diskussjoni dwar it-tmexxija tal-PN reġgħet bdiet, eżatt bl-istess aspettativi li tal-aħħar 10 snin, stennija ta' "messija" li jrebbaħ lill-partit. Ħarsa lejn għaliex Bernard Grech qed jiddiżappunta imma għaliex hu - waħdu - mhuwiex il-problema... 

Ġimgħa ilu storja fuq The Sunday Times indikat li Bernard Grech - sentejn u nofs minn kemm ilu jmexxi l-PN - esprima r-rieda tiegħu li ma jibqax Kap Nazzjonalista sakemm il-kandidatura tal-persuna li teħodlu postu ikollha lill-PN warajha, bit-tama kollha tkun fuq il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Kien l-eks Viċi Kap tal-PN u l-mibki Robert Arrigo stess li sigħat wara r-riżultat elettorali ta' Marzu 2022 sejjaħ lil Metsola biex tiġi lura Malta u "ssalva" lill-PN.  

F'dawn iż-żewġ paġni se nħarsu lejn żewġ angoli differenti: Għaliex Bernard Grech ikun aħjar li jitlaq mill-kariga jew inkella għaliex aħjar li jibqa'.  

Jitlaq: Disfatti elettorali u sondaġġi terribbli għalih u għall-PN 

Biex nifhmu aħjar l-ewwel argument irridu mmorru lura għall-2020, meta waqt li l-pajjiż kien inkwetat minħabba l-pandemija, il-PN spiċċa fi gwerra interna qalila mmarkata mit-tneħħija ta' Kap leġittimu mill-kariga li kellu. Anke jekk il-proċess kien demokratiku, ftit kienu dawk li ma kinux jemmnu illi l-forzi kollha tal-partit, speċjalment dawk li tradizzjonalment dejjem kellhom is-saħħa fi ħdanu, ingħaqdu f'ponn biex ineħħu lil Delia minn Kap tal-PN. L-għajjat, it-tgħajjir, l-insulti u t-tesseri mormija ftit rattbu mir-rieda tal-Grupp Parlamentari li jiltaqa', jmexxi mozzjonijiet kontra Delia, jmur għand il-President u jesprimi sfiduċja f'Delia u jgħaddi vot wara ieħor fl-istrutturi sabiex finalment issir elezzjoni għal Kap ġdid, tliet snin biss wara li Adrian Delia kien elett f'din il-kariga, bi ftit voti, wara li kkompeta ma' Chris Said. Kienet l-ewwel darba fl-istorja politika moderna li Kap jitneħħa mill-partit tiegħu stess, daqstant pubblikament u direttament, minn dik li ma kienet xejn għajr rivolta interna.  

Fuq liema bażi tneħħa Delia?  

L-ewwel: Tneħħa għax ma kienx qed jikseb riżultati u s-sondaġġi kienu qed juru lill-PN minn wara l-PL b'50,000 vot u aktar. Il-PN tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019 b'42,000 vot - li hija sal-lum l-akbar telfa elettorali ta' kull żmien. It-tieni: Saru diversi akkużi li Delia kien aċċetta flus u kien f'kuntatt ma' Yorgen Fenech, anke wara li kien magħruf li 17 Black hija tiegħu. It-tielet: Il-PN kien mifni fi gwerra interna, bejn żewġ fazzjonijiet li kienu kontinwament u pubblikament il-ħin kollu jiġġieldu u jitgħajru. 

Mela għalfejn dan id-diżappunt kollu f'Bernard Grech?  

Id-diżappunt jiċċentra proprju madwar dawn it-tliet punti, speċjalment l-ewwel tnejn.  

Minkejja l-aspettattiva, fil-PN u lilhinn minnu, li l-miġja ta' Grech kienet se twassal biex il-partit jibda verament jifsida l-eġemonija b'saħħitha Laburista u l-maġġoranza qawwija tal-PL (circa 36,000 vot) dan ma ġarax.  

Fl-2022 il-PN mexxa kampanja elettorali - li wieħed jista' jgħid illi kienet fost l-ifqar li qatt mexxa. Assolutament nieqsa mill-entużjażmu fid-dawl tat-telfa inevitabbli u nieqsa - xi minn daqqiet b'mod inkwetanti bħall-attivitajiet fiż-Żejtun u l-Imsida u anke Tas-Sliema sa ċerta punt - minn nies, li fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu kampanja. Dan apparti żbalji fil-Programm Elettorali, inkonsistenzi fuq it-Trackless Tram u l-fatt illi Grech deher emozzjonat wisq drabi, li xi kultant kien iwassal għal tħassib li kien taħt pressjoni kbira ħafna.  

Ir-riżultat?  

L-akbar telfa elettorali f'elezzjoni ġenerali, fl-istorja politika mill-Indipendenza lil hawn, bil-Partit Laburista mmexxi minn Robert Abela jirbaħ b'distakk ta' 39,500 vot.  

L-aħħar sondaġġ tal-gazzetta oħt Maltatoday, bħal prattikament dawk fl-aħħar sitt snin, kien ifisser aktar aħbarijiet ħżiena għall-PN. 

Is-sitwazzjoni f'termini ta' appoġġ hija ħażina ħafna, imma s-sitwazzjoni tal-fiduċja fil-mexxejja hija bil-wisq agħar għal Bernard Grech.  

Fil-fatt mistoqsijin lil min jivvotaw kieku kellha issir elezzjoni illum 38.7% qalu illi jivvutaw lill-Partit Laburista - li fl-aħħar elezzjoni kiseb 55.1%. Dan ifisser illi l-PL naqqas 16.7% f'appoġġ. Minkejja dan, il-PN bħalissa għandu biss l-appoġġ ta' 22.8%, meta fl-aħħar elezzjoni kiseb 41.7%, jiġifieri tnaqqis ta' kważi 19% - aktar milli naqqas il-Gvern.  

F'termini ta' fiduċja, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela bħalissa huwa fdat minn 45%, tnaqqis ta' 2.8% mis-sondaġġ ta' qabel, imma 6.3% aktar popolari mill-partit li jmexxi. Huma biss 19.9% dawk li qalu li jafdaw lil Grech, li apparti li huwa tnaqqis ta' 2.1% mis-sondaġġ ta' qabel, ifisser ukoll li Grech huwa saħansitra inqas popolari mill-partit li jmexxi.  

Dan is-sondaġġ ifisser li 1) Bħalissa d-distakk bejn iż-żewġ partiti huwa ta' 56,461 vot u jfisser ukoll 2) Li ċ-ċans li l-Labour jikber huwa akbar, għaliex Abela huwa aktar b'saħħtu mill-partit u allura f'qagħda aħjar biex jikkonvinċi nies li jafdawh pero' li - għal xi raġuni - kieku ssir elezzjoni bħalissa ma jivvotawx Labour.  

Li Delia żammu u lill-partit... Għaqdu? 

Li jwassalna għaż-żewġ punti l-oħrajn li kienu r-raġuni biex Delia jitneħħa u minfloku jidħol Bernard Grech.  

Adrian Delia kien qed jiffaċċja diversi akkużi, fosthom li baqa' f'kuntatt ma' Yorgen Fenech, meta kien irriżulta li 17 Black kienet tiegħu, li kien ippjana xi forma ta' laqgħa jew ikla miegħu u li allegatament għaddew flus mingħand Fenech u Pierre Portelli biex, fost oħrajn, ssir ħidma biex ma jkunx elett David Casa.  

Dawn l-allegazzjonijiet, bħala parti mill-kritika u kampanja kontra Delia, kellhom ħafna sostenituri bl-aktar voċiferu jkun l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.  

Din l-analiżi mhix se tidħol fil-kwistjoni ta' liema minn dawn l-allegazzjonijiet huma veritieri jew le. Iżda huwa notevoli li minn dak iż-żmien lil hawn Bernard Grech mhux talli irrijabilità lil Delia fil-Grupp Parlamentari u issa tah Shadow Ministry importanti ferm, talli wara argument fuq il-midja soċjali Jason Azzopardi kellu jiffirma ftehim ma' Delia li fih prattikament kien imġiegħel jieħu lura ħafna minn dak li kien allega.  

Illum, huwa Jason Azzopardi li prattikament qiegħed fi gwerra ma' Grech, speċjalment wara li l-Kap tal-PN iddeskriva lill-avukat tal-familja Caruana Galizia bħala "skadut."  

Jixtieq jew le, l-implikazzjoni hawnhekk hija ċara u allura hija li Bernard Grech jemmen u jagħti kredenza lil Adrian Delia u mhux lil dawk li kienu kontra l-eks Kap u li wara kollox jaf lilhom għat-tmexxija tal-partit. Jista' jkun li dan huwa kalkolu politiku tal-fatt li jaqbillu jidher alleat ma' Delia, milli ma' Azzopardi. Hu x'inhu, l-implikazzjoni tibqa' l-istess.  

U finalment, il-PN ingħaqad?  

Hawnhekk wieħed jista' jgħid illi huwa l-aktar "dipartiment" fejn il-PN għamel ftit ta' ċaqlieqa taħt Grech. Il-gwerer, tgħajjir u firda interna daqstant ovvja fil-pubbliku llum naqset u naqset sew. Huwa ċar ukoll illi minkejja ħafna dubji u mistoqsijiet u minkejja li ma għandux bażi ta' attivisti voċiferi leali lejh bħal ma kellu Delia, ftit hemm xewqa li jsir kolp ieħor li jarah jitneħħa.  

Iżda wieħed irid jagħmel id-differenza bejn il-kwiet li huwa riżultat ta' paċi politika u l-kwiet li huwa frott l-apatija.  

Huwa ċar li bħalissa u fl-aħħar xhur l-apatija fil-PN kienet waħda qawwija ħafna u dan kien jidher ċar f'diversi istanzi. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza ġew  imħassrin għall-ewwel darba fl-istorja, protesta li kellha attendenzi inqas minn dawk tal-NGO Repubblika u li ma kellhiex kontinwità mibnija fuqha, Dar Ċentrali li baqgħet iddominata mill-vojt u sentiment ċar fit-toroq ta' ħafna votanti nazzjonalisti li għalkemm huma u se jibqgħu jivvotaw lil dan il-partit, tilfu l-interess.  

Din l-apatija mhijiex frott dirett tad-deċiżjonijiet ta' Bernard Grech. Il-Kap kurrenti kompla - għal diversi raġunijiet jaċċentwa din il-problema. L-għeruq tas-sitwazzjoni fil-partit u l-apatija fi ħdanu huwa l-fatt li ilu mill-2009 jitlef kull elezzjoni ta' portata nazzjonali b'aktar minn 33,000 vot. Dan ifisser sitt elezzjonijiet nazzjonali (Ġenerali u tal-Parlament Ewropew) illi fihom il-PN ħa disfatta qarsa wara oħra. Dan apparti, li l-PN tilef il-kontroll ta' ħafna lokalitajiet fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, fosthom tal-Belt Valletta, is-Siġġiewi, il-Mellieħa, Birkirkara, il-Pietà, L-Għarb u San Pawl il-Baħar, kif tilef il-maġġoranza li kellu għal għexieren ta' snin f'Għawdex bħala Distrett.  

Dawn it-telfiet mhux biss kissru l-moral tan-Nazzjonalisti imma fil-perċezzjoni ta' ħafna rrendew lill-PN 'unelectable'. Bħala riżultat ta' dan ħafna nies mhumiex jagħtu biżżejjed rilevanza lil dak li qed jgħid il-PN, u allura dak il-porzjon kbir ta' nies li mhumiex laburisti imma li fl-aħħar 10 - 14-il sena vvotaw Labour lanqas biss qed iħarsu lejn il-PN bħala għażla vijabbli.  

L-irrelevanza hija l-akbar għadu politku. Aħjar mibgħud, milli njorat! 

Dan kollu juri għalhekk li Grech la ġab il-popolarità personali u lejn il-partit li ħafna ttamaw li kien se jġib, u minn naħa l-oħra ambraċċa lil Adrian Delia bl-allegazzjonijiet kollha li sarulu u li minħabba fihom tneħħa.  

L-akbar preġju ta' Grech huwa li ġab ftit kalma fil-partit, sforz il-komportament kalm tiegħu, il-fatt li qatt ma ċċappas b'dellijiet ta' korruzzjoni - anke jekk kellu problemi ta' ħlas ta' taxxa - fil-bidu kellu ħafna rieda li jbiddel l-affarijiet u ħa wkoll diversi pożizzjonijiet ċari kontra l-ġlied tad-Deputati fil-pubbliku.   

Jibqa': Il-problema tal-PN hija ħafna akbar minn Bernard 

Mela issa ejja nagħtu ħarsa lejn in-naħa l-oħra tal-munita.  

Huwa ċar li r-riżultati ħżiena ħafna li kiseb il-Partit Nazzjonalista mill-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2009 ma kellhomx persuna marbuta magħha. 

X'jiġifieri?  

Mill-2009 lil hawn il-Partit Nazzjonalista kellu erba' Kapijiet: Lawrence Gonzi, Simon Busuttil, Adrian Delia u issa Bernard Grech. Ħadd minn dawn ma kiseb riżultat aħjar minn tkaxkira ta' 30,000 vot f'dawn is-snin.  

Dan x'ifisser? 

Ifisser li t-telf elettorali li qed ikun il-kaġun ta' tant apatija ma jistax jintrabat esklussivament ma' Kap wieħed jew ma strateġija waħda. Jiġifieri l-PN tilef b'dawn l-ammonti kemm meta ntrabat kważi esklussivament mal-kwistjoni tal-korruzzjoni/governanza imma anke meta iġġieled elezzjoni fejn ma baqax marbut kważi esklussivamemt ma' din il-materja. Kemm meta l-PN kien fil-Gvern u allura meta kien qed jiżbalja u jdejjaq lin-nies, imma anke fl-Oppożizzjoni meta l-iżbalji governattivi kien qed jagħmilhom il-PL.  

Għalhekk huwa ċar li l-problema mhix esklussivament il-persuna, imma l-partit innifsu fit-totalità tiegħu.  

Dan ifisser li jekk Bernard Grech jitneħħa sempliċiment bit-tama li t-tneħħija tiegħu twassal għal xi miġja ta' "messija" u għal bidla assoluta tal-fortuni politiċi tal-PN, dan ikun pass superfiċjali u riskjuż ħafna.  

U hawnhekk tidħol fix-xena Roberta Metsola, President tal-Parlament Ewropew.  

Jidher li l-kalkolu li qed isir huwa li r-riskju ta' pass bħal dan iħalli l-frott jekk Metsola tieħu t-tmun tal-partit. Inizzjalment - jew kif jingħad fil-lingwaġġ tal-avukati prima facie - dan l-argument jagħmel sens.  

Żgur li l-miġja ta' Metsola - persuna li issa rabbiet statura ewropea u internazzjonali konsiderevoli -  fit-tmun ta' partit għajjien jagħti spinta ta' enerġija u ħeġġa, li tant u tant il-PN għandu bżonn. Ikun ifisser ukoll li dawk l-eluf ta' votanti li la huma Laburisti imma lanqas nazzjonalisti u li fil-PN ma jaraw ebda alternattiva, issa jibdew iħarsu b'interess u kurżità fid-direzzjoni tad-Dar Ċentrali. Il-fatt ukoll li hija mara u allura tkun l-ewwel Kap ta' partit politiku kbir u PM prospettiv mara, żgur li jqajjem ħafna interess.  

Iżda dan huwa l-effett inizzjali. Il-ġelu fuq kejk b'ħafna problemi, il-lavur tal-faċċata ta' binja qed tiġġarraf. Għax il-problema tmur lilhinn mill-Kap, għalkemm il-Kap jista' jkun parti minnha.  

Il-mistoqsija tibqa': Wara l-eċitament tal-bidu Metsola, li għandha karriera politika quddiemha fl-UE tistenniha, se jirnexxilha tagħmel dak li ma sarx fl-aħħar snin? Se jirnexxila tqajjem l-entużjażmu u ddawwar l-interess f'voti? Se jirnexxilha tinża' l-mentalità politika ewropea għal dik Maltija? Se tkun kapaċi terġa' tirrevedi l-pożizzjoni tagħha fuq ċerti kwistjonijiet, bħall-abort? Se tkun loġistikament possibbli għaliha li tniżżel familja sħiħa minn barra lura għal Malta? Se tkun lesta li tagħmel l-aktar bidla kruċjali: Filli Kap tal-policies tal-Parlament Ewropew, tarġa 'l bogħod minn karigi prestiġjużi ewropej, filli fid-djar u l-każini tisma' l-uġigħ u l-ilmenti tan-nies, anke jekk mhux dejjem ġustifikati? 

Suċċess fil-Parlament Ewropew mhu ebda garanzija ta' suċċess lokali, għax l-udjenza hija kompletament differenti.  

U allura minflok il-PN jistaqsi x'riskju lest li jieħu, probabbilment se tkun Metsola innifisha li se tistaqsi x'riskju lesta tieħu hi u jekk dak ir-riskju hux se jkun vallapena jew inkella le, għax tiġi, tissagrifika karriera ewropea biex il-PN xorta jibqa' fl-Oppożizzjoni!  

Grech għalhekk jaf joħloq problemi ħafna akbar jekk jitlaq issa. Problemi li l-PN żgur ma jiflaħx għalihom. Problemi ta' inċertezza kbira. 

More in Politika