Bini għoli : L-Għawdxin bi ħġarhom kontra, iż-żgħażagħ favur u l-maġġoranza ma jriduhom imkien

Sinjal ta' progress u Malta moderna li qed isir dejjem aktar metropoli ewropea jew disfigurazzjoni ta' dak kollu li huwa l-Malti? Sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM jistaqsi lill-poplu... 

Il-bini tiela' u mhux tiela' biss, fis-sens li qed jinbena, imma tiela' l' fuq u beda jersaq lejn is-sema'. F'żona partikolari - jiġifieri f'Paceville f'San Ġiljan - illum qed jiddominaw is-sema erba' torrijiet. Dak tal-Portomaso, li nbena fl-2001, huwa twil 98 metru u fih 23 sular. Bħalissa qed jinbena l-Mercury Tower, li meta jitlesta se jkun l-ogħla bini f'Malta. Huwa proġett tal-iżviluppatur Joseph Portelli u ddiżinjat minn Zaha Hadid, it-torri ewlieni se jkun twil 32 sular u se jinkludi wkoll torri ieħor, iżda ħafna inqas fit-tul. Ħdejh eżatt hemm il-bini ta' Pendergardens li huwa nofs dak tal-Mercury, bi 15-il-sular. Fil-Gżira mbagħad hemm it-Torri 14 East b'21 sular u torri ieħor li qed jinbena bħalissa, fil-Gżira wkoll l-ST Tower se jkun twil 17-il sular. Fuq in-naħa l-oħra ta' Malta - fl-Imrieħel - imbagħad hemm The Quad, tal-iżviluppaturi Tumas Group u Gasan, bl-itwal torri jkun ta' 19-il sular. 

Imma l-poplu x'jaħseb dwar il-bini għoli, li fil-fatt mistenni jiżdied - speċjalment fiż-żona ta' Paceville u Tas-Sliema? Jaqbel illi Malta jibqa' jkollha bini bħal dan? Jaqbel li għandhom jinbnew f'ċerti żoni biss? Jew ma jinbnew imkien?  

Minn sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM jirriżulta li maġġoranza assoluta ta' 53.7% tal-poplu Malti ma jaqbilx ma' torrijiet u bini għoli f'ebda parti tal-pajjiż. Dan filwaqt li 30.2% jaqblu li jinbnew skyscrapers fil-pajjiż, basta jkunu ristretti għal ċerti żoni jew lokalitajiet. Fil-fatt 26.6% jemmnu li bini għoli għandu jkun ristrett għal xi lokalitajiet filwaqt li 3.6% jemmnu li bini għoli għandu jkun ristrett biss għal lokalità waħda, bħal per eżempju San Ġiljan.  

Minn naħa l-oħra kważi 16% tant jemmnu illi kull lokalità għandha jkollha żona fejn jista' jkun hemm bini għoli, anke jekk il-Pjani Lokali u r-realtajiet storiċi ta' ċerti bliet jagħmlu dan ix-xenarju wieħed kompletament impossibbli.  

L-anzjani u l-Għawdxin l-aktar li jopponu... 

Għawdex - il-gżira tat-tliet għoljiet - bla dubju ta' xejn li żammet karatteristika li f'Malta intilfet fiċ-ċentri urbani tat-tramuntana tal-port. Iżda l-iżvilupp fis-snin riċenti wassal għal reżistenza għawdxija dejjem tikber kontra l-iżvilupp eseġerat u dan qed jirriżulta f'ħafna sondaġġi, inkluż dan. Fil-fatt l-Għawdxin huma l-aktar nies minn Malta kollha li jopponu l-bini ta' torrijiet u skyscarpers f'pajjiżna.  

Huma maġġoranza qawwija ħafna ta' 67.8% fil-fatt li jgħidu illi dan it-tip ta' bini ma għandu jinbena mkien, b'14.1% jisħqu li għandu jkun ristrett għal xi lokalitajiet f'Malta u 3.7% jemmnu li għandu jkun ristrett għal lokalità waħda biss. Huma 14.4% biss tal-Għawdxin li jemmnu illi għandu jkun hemm bini għoli f'kull lokalità.  

Iż-żona tan-Nofsinhar tal-Port u allura dik li tinkludi l-Kottonera u l-madwar - ilkoll bliet antiki u ta' wirt storiku - tirreġistra t-tieni l-ogħla persentaġġ ta' nies kontra bini simili. Fil-fatt 64.5% tal-parteċipanti hawnhekk jħossu li bini bħal dan ma għandu jinbena mkien. Sorprendentement dan huwa ħafna aktar mill-parteċipanti fit-Tramuntana tal-Port - li tinkludi lil Tas Sliema u San Ġiljan - fejn kważi 47% għandhom l-istess opinjoni.  

Jopponu aktar b'qawwa huma l-parteċipanti anzjani u anke dawk b'livell primarju ta' edukazzjoni. Fil-fatt xejn inqas minn 71.2% ta' dawk 'l fuq minn 65 sena jħossu li bini simili ma għandu jinbena mkien fil-pajjiż, filwaqt li kważi 19% jemmnu li għandu jkun restritt għal xi lokalitajiet madwar il-pajjiż. 

Dawk b'edukazzjoni primarja imbagħad, b'74.2%, huma l-aktar grupp ta' nies li ma jridu jaraw bini għoli mkien, b'18.7% biss jaqblu ma' bini għoli f'xi lokalitajiet (15.7%) jew f'lokalità waħda (3%). 

Iż-żgħażagħ u dawk b'edukazzjoni terzjarja bl-inqas reżistenza 

Jew għax ġenerazzjoni differenti jew inkella għax siefru u daru (u qed iduru!) id-dinja ħafna aktar u forsi wkoll għax ftit li xejn huma nostaliġiċi għal passat li ma laħqux fejn ma kienx hawn torrijiet fil-pajjiż, imma ż-żgħażagħ huma l-inqas li jirreżistu l-iżvilupp ta' bini għoli u l-aktar li jaqblu li għandu jinbena bini għoli, basta ristrett għal xi żoni tal-pajjiż biss.  

B'37.9% dawk bejn 16 u 35 sena huma l-inqas settur tal-popolazzjoni li jħossu li ma għandu jkun hawn bini għoli mkien, b'43.8% imbagħad - u allura maġġoranza relattiva - jemmnu li bini hekk għandu jinbena jew f'xi lokalitajiet (36.8%) jew inkella f'lokalità waħda biss (7%). Imbagħad 18.3% tal-parteċipanti f'dawn l-etajiet saħansitra jaqblu li kull lokalità għandu jkollha żona fejn ikun permess bini għoli. 

Kuntrarjament għal dawk li jopponu, il-parteċipanti b'livell terzjarju ta' edukazzjoni huma ħafna inqas reżistenti għal proġetti ta' dan it-tip, anke jekk maġġoranza relattiva ta' 44.2% xorta jħossu li bini għoli bħal dan mhu postu imkien. Huma b'kollox 38.6% li huma tal-opinjoni illi bini bħal dan għandu jitħalla jinbena biss f'xi lokalitajiet (32%) jew inkella f'lokalità waħda (6.7%).  

Dawk il-parteċipanti li kienu ġejjin mix-Xlokk tal-pajjiż b'42.2% ukoll huma l-inqas li jopponu bini bħal dan, mill-pajjiż kollu. F'din il-parti tal-pajjiż - li tinkludi rħula bħaż-Żejtun, Birżebbuġa, Ħal Għaxaq, iż-Żurrieq u Marsaxlokk 28.8% saħansitra jaqblu li kull lokalità għandu jkollha żona riservata għal bini għoli, l-aktar mill-pajjiż kollu.  

Nazzjonalisti u Laburisti... Hemm differenza? 

Il-bini għoli huwa fenomenu riċenti u għalkemm ma bediex fl-aħħar 10 snin ta' Gvern Laburista, mill-2013 sforz imbutattura ekonomika qawwija, influss ta' ħaddiema barranin, domanda li qed tikber għal spazji għal uffiċini u settur ta' kostruzzjoni li ra tkabbir, il-fenomenu tal-bini għoli sar ħafna iktar reali. Biżżejjed ngħidu li fl-aħħar 10 snin inbnew bosta torrijiet u diversi oħrajn ingħataw jew qed jistennew permess mill-Awtorità tal-Ippjanar.  

U dan il-fatt jittrażmetti lilu nnifsu xi ftit jew wisq fin-numri f'dan is-sondaġġ ukoll.  

Ħafna iktar nies li jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista llum kieku issir elezzjoni, milli jivvutaw lill-PL jopponu dan it-tip ta' bini għoli. Fil-fatt filwaqt li 63.3% tal-votanti Nazzjonalisti bħalissa jemmnu li ma għandu jkun hemm bini għoli mkien fil-pajjiż, dan il-persentaġġ jinżel għal 47.5% fost votanti Laburisti. Jekk inħarsu lejn x'jaħsbu n-nies, skont lil mijn ivvotaw fl-2022 l-affari ma tinbidilx wisq b'57.7% ta' dawk li vvotaw PN ikunu kontra bini għoli f'kull żona tal-pajjiż, liema persentaġġ jinżel għal 46.6% fost dawk li vvotaw Labour.  

Minkejja dawn id-differenzi iżda, il-votanti huma ħafna iktar qrib xulxin dwar bini għoli f'xi postijiet f'Malta. Fil-fatt 32.4% ta' dawk li vvotaw lill-PL li jaqblu illi jinbena bini simili f'xi lokalitajiet (27%) u 5.4% f'lokalità waħda biss. Intant huma 30.8% tal-votanti nazzjonalisti fl-2022 li jaħsbu l-istess, b'25.8% jemmnu li għandhom jitħallew jinbnew f'xi lokalitajiet u 5% jemmnu li għandhom jitħallew f'lokalità waħda biss.  

L-irġiel u n-nisa: Min iħobb l-għoli u min le! 

U finalment, hemm differenza qawwija ħafna wkoll fejn jirrigwarda l-ġeneri bl-irġiel ikunu bil-wisq inqas kontra bini għoli minn nisa.  

Fil-fatt filwaqt li maġġoranza qawwija ħafna ta' 63.2% tan-nisa huma kontra bini għoli, fi kwalunkwe żona fil-pajjiż dan il-persentaġġ jinżel għal 44% fost l-irġiel.  

37% tal-irġiel jaqblu li bini simili jinbena f'xi postijet, filwaqt li fost in-nisa dan il-persentaġġ jinżel għal 25.5%.  

Uħud mill-bini għoli li qed naraw madwar Malta. Ritratti meħuda minn James Bianchi
Uħud mill-bini għoli li qed naraw madwar Malta. Ritratti meħuda minn James Bianchi

More in Politika