'Il-liġi qed tilleġiżla u tirregola suq responsabbli li mhuwiex imbuttat mill-profitti'

Leonid McKay jiddefendi l-Liġi tal-Kannabis u l-pożizzjoni tiegħu bħala Kap tal-Awtorità tal-Kannabis, fid-dawl ukoll tal-pożizzjoni li kellu fuq il-materja meta kien imexxi l-Caritas

Leonid Mc Kay
Leonid Mc Kay

Il-Kap tal-Awtorità tal-Kannabis Leonid McKay ddefenda il-leġiżlazzjoni tal-Kannabis u saħaq illi l-għan tagħha jibqa' illi tnaqqas u tiskoraġġixxi mill-kummerċjalizzazzjoni tas-sustanza. McKay qal dan waqt li kien intervistat mid-Dekan u xandar Andrew Azzopardi illi pubblikament esprima l-oppożizzjoni tiegħu għal din il-leġiżlazzjoni. Tant hu hekk li f'punt minnhom Azzopardi qal li kien vera rrabjat meta McKay - li kien imexxi l-Caritas u li fil-passat oppona leġiżlazzjoni tal-Kannabis - aċċetta  proprju din il-kariga wara l-pożizzjoni li kien ħa, kif jirrabjah it-titlu mogħti lilu u lil-Leġiżlazzjoni nnifisha (L-Użu Responsabbli tal-Kannabis).

McKay ddefenda l-pożizzjoni tiegħu u qal li l-liġi mmaturat f'waħda li tirregola s-suq u li tneħħi kompletament il-bejgħ minn idejn "dawk li ma għandhom ebda interess li jitnaqqas d-dannu." 

Waqt l-intervista fuq Radio 103 Malta's Heart Leonid McKay sostna li filwaqt li qabel l-utenti tad-droga kienu jiksbu prodott li kien "maħmuġ, sintetiku u mhux ittestjat" din il-liġi qed tilleġiżla u tirregola "suq responsabbli li mhuwiex imbuttat mill-aspett tal-profitti." 

Meta mistoqsi dwar il-fatt li dan l-argument jista' jintuża għal sustanzi oħrajn bħall-eroina u l-kokaina McKay fakkar li l-użu ta' dawn is-sustanzi fil-fatt żdiedu minkejja li mhumiex legali. Fil-fatt il-Malta Drug Report żvelat ilbieraħ wera illi l-użu tal-kokaina u l-kannabis kienu l-aktar drogi li waslu għal emerġenzi fl-2021, b'total ta' 513 u ħames mwiet. 

Azzopardi qal li huma organizzazzjonijiet bħall-Caritas u l-OASI li huma responsabbli għat-tnaqqis tad-dannu u mhux l-Awtorità tal-Kannabis, b'McKay jesprimi nuqqas ta' qbil u jisħaq li kull Cannabis Club se jkun konness ma' sistema ċentrali u l-ebda individwu mhu se jkun jista' jkun membru ta' aktar minn club wieħed. Qal ukoll li mhu se jkun hemm ebda karti tal-identità u allura l-utenti mhux se jkunu magħrufin mal-awtoritajiet. 

Imma x'tgħid il-Liġi tal-Kannabis?

1. Pussess ta’ massimu ta’ seba' grammi ghall-użu personali mhux se jitqies bħala reat u mhux se jagħti lok ta' proċeduri tal-Qorti. Sakemm mhux fuq ċirkostanzi ta’ suspett ta’ traffikar. Hemm il-pulizija għandha d-dritt li tinvestiga.

2. F'każ ta' persuni li jinqabdu b' bejn tmien grammi u 28 gramma, dawn ikollhom jitilgħu quddiem tribunal lokali. Il-persuna tista’ teħel multa u l-kannabis tiġi kkonfiskata. Jekk ikun hemm suspett li l-kannabis ma jkunx għall-użu personali l-pulizija jkollha d-dritt li tintervjeni wkoll.

3. Minuri, jiġifieri persuni taħt it-18-il sena, b’pussess iridu jidhru quddiem tribunal lokali u jiġu mgħotija pjan ta' għajnuna.

4. Il-kannabis ma tistax tiġi kkunsmata fil-pubbliku, bl-eċċezzjoni għal dawk li jingħataw parir mediku biex jikkunsmawha bħala mediċina.

5. Jekk tikkonsma l-kannabis quddiem xi ħadd li mhuwiex adult, dik il-persuna tista’ teħel multa.

6. Il-kultivazzjoni tal-pjanti. It-tkabbar ta’ pjanti tal-kannabis huwa permess sa’ massimu ta’ erba’ pjanti. Dan mhux se jkun reat kriminali u lanqas amministrattiv, jiġifieri ma teħilx multa lanqas. Erba’ pjanti huma permessi għal residenza waħda biss, lil hinn minn kemm hemm persuni fiha.

7. Huwa permess li persuna tkun f’pussess ta’ massimu ta’ 50 gramma kannabis niexfa.

8. Il-pjanti li se jiġu kkultivati d-dar għandhom jitkabbru f’post li ma jidhirx u għaldaqstant ma jdejjaqx lil dawk fil-viċinanza. Il-Ministru Bonnici tenna li l-pjanti għandhom bżonn temperatura u dawl apposta allura m’hemmx bżonn tal-elementi tan-natura (xemx, ħamrija, eċċ.)

X’inhu mistenni mill-assoċjazzjonijiet ?

1. L-assoċjazzjonijiet tal-kannabis mhumiex negozji. 

2. Il-membri tal-assoċjazzjoni għandhom jkollhom aktar minn 18-il sena.

3. Mhux permess tipjip fl-outlets tal-assoċjazzjonijiet.

4. Persuna ma’ tistax tkun membru ta’ aktar minn organizzazzjoni waħda.

5. B’kollox assoċjazzjoni ma jistax ikollha aktar minn 500 grammi.

6. Membru jista’ jingħata seba' grammi kannabis kuljum sa’ massimu ta’ 50 gramma fix-xahar u l-assoċjazzjoni se tagħti sa' 20 żerriegħa.

7. L-outlets tal-assoċjazzjonijiet iridu jkunu 250 metru ‘l bogħod mill-iskejjel jew ċentri li jattendu ż-żgħażagħ.

8. Għandha titwaqqaf awtorità magħmula minn professjonisti, b’esperjenza f’dan il-kamp, li tara li l-liġi qiegħda tiġi segwita.

9. Kull tliet xhur, l-assoċjazzjonijiet iridu jagħtu rendikont tan-numru ta’ membri msieħba magħhom, mingħajr ma jiġi żvelat l-identità tagħhom.

More in Politika