'L-infieq ta' miljun fit-toroq la solva l-problema tal-konġestjoni u lanqas għamilhom aktar sikuri kif imwiegħed'

'Għaliex għandna toroq qattiela?' Moviment Graffitti, Friends of the Earth u Rota joħorġu banner fi Triq Sir Temi Zammit

Aktar kmieni illum numru ta' attivisti ħarġu banner fi Triq l-Imġarr (Triq Sir Temi Zammit) fejn staqsew: "Għaliex għandna toroq qattiela?” Dan wara sena rekord ta’ mwiet fit-toroq, b’26 vittma fl-2022. Dawn l-attivisti huma mill-għaqdiet Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, u Rota. "L-infieq ta’ miljuni kbar fit-toroq fis-snin li għaddew la solva l-problema tal-konġestjoni f’Malta, u wisq anqas ma wassal għal ‘toroq aktar sikuri’ kif kien imwiegħed," sostnew l-għaqdiet.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, ċiklist weġġa’ gravi fil-post tal-azzjoni ta’ dalgħodu: fuq l-iktar korsija tar-roti dejqa fil-pajjiż. Id-disinn tagħha kien ġie identifikat bħala wieħed perikoluż mill-organizzazzjoni Rota u l-esperti lokali tat-trasport, wara l-inawgurazzjoni tagħha aktar minn sentejn ilu. Dil-ġimgħa, dawn l-istess għaqdiet bagħtu ittra miftuħa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, lill-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta l-Brigadier Jeffrey Curmi u lill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta s-Sur Ivan Falzon. L-għaqdiet qed jitolbu li tintrefa’ r-responsabbiltà politika wara li "fallew milli jżommu liċ-ċiklisti sikuri." Qed jitolbu wkoll biex it-triq terġa’ ssir b’mod urġenti u skont l-aħjar prattiċi internazzjonali. Dr Farrugia, il-Brigadier Curmi, and s-Sur Falzon għadhom ma tawx risposta għal dat-talbiet s’issa.

Bħalissa, il-Gvern qed jimbotta pjan ġdid għas-sigurtà fit-toroq, bit-titlu ‘Towards Safer Transport in Malta’, li jiffoka fuq l-investigazzjoni tas-sigurtà fit-toroq. Jisħqu li, "il-gvern mhuwiex qed jagħti importanza lid-disinn tat-toroq mill-aspett tas-sigurtà tal-utenti kollha, b’mod partikolari dawk vulnerabbli bħall-persuni bil-mixi u ċ-ċiklisti (inklużi tfal, anzjani u persuni b’diżabilità)."

L-għaqdiet qed jinsistu illi, t-toroq għandhom ikunu effiċjenti u sikuri għall-utenti kollha, irrispettivament mill-mezzi tat-trasport jew żbalji umani li jistgħu jseħħu. Żiedu jgħidu li l-aktar mod effettiv biex jinkiseb dan huwa billi t-toroq jidjiequ, jiġu inklużi miżuri għall-ikkalmar tat-traffiku, jinżamm infurzar xieraq, u jinżammu separati l-utenti tat-triq f’żoni fejn il-vetturi jgħaddu b’veloċità ogħla. 

"Il-ħtieġa li tingħata prijorità lill-forom tat-trasport li huma verament sostenibbli u lis-sikurezza tal-utenti vulnerabbli tat-toroq saret ovvja. Biex jinkiseb dan, il-gvern irid jistabbilixxi b’urġenza standards u linji gwida nazzjonali għall-infrastruttura tat-toroq ta’ kull tip, inklużi bankini, infrastruttura għaċ-ċikliżmu u toroq kondiviżi," qalu l-għaqdiet. Dan filwaqt li żiedu li dan l-isforz għandu jkun ibbażat fuq standards internazzjonali u jinkludi reviżjoni tal-qafas legali sabiex titjieb il-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-toroq. "Huwa ċar li mhux biżżejjed li titfa’ ftit żebgħa ħadra u tittama għall-aħjar." 

Fl-aħħar huma qalu li fid-dawl tas-silenzju lejn l-ittra miftuħa tagħna lill-Ministru tat-Trasport u l-Kapijiet Eżekuttivi ta’ Infrastructure Malta u Transport Malta, jerġgħu jistaqsu: "min se jerfa’ r-responsabbiltà għal dawn il-ħabtiet u l-imwiet fit-toroq sforz disinn ħażin?" L-organizzazzjonijiet jemmnu li "jekk in-nies fit-tmun tal-awtoritajiet rilevanti se jibqgħu inattivi fuq din il-kwistjoni, allura mhumiex denji tal-pożizzjoni tagħhom u għandhom jirriżenjaw." 

More in Politika