'Eks Ministru prova jħassar informazzjoni meta l-mowbajl tiegħu ġie interċettat mill-pulizija' - Azzopardi

Jason Azzopardi jallega li eks Ministru pprova jħassar informazzjoni mill-Cloud Storage tiegħu u l-Pulizija kellhom jimbuttawh biex jeħdulu l-mowbajl. Jistaqsi x'qed jaħbi dan l-eks Ministru....

Jason Azzopardi
Jason Azzopardi

Waqt attività organizzata mill-Għaqda Repubblika llejla l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li eks Ministru - illi ma semmiehx b'ismu - ipprova jħassar data fil-Cloud Storage tiegħu, wara li kellu l-mowbajl tiegħu interċettat mill-Puliziija. Din kienet waħda mill-implikazzjonijiet u stqarrijiet pjuttost qawwijin li għamel Azzopardi, waqt l-attività li fakkret l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

Azzopardi - li huwa wkoll l-avukat tal-familja Caruana Galizia u anke tal-għaqda Repubblika - staqsa lil dawk preżenti jekk jafux illi wara tfittxija li saret sentejn ilu bħala parti minn Inkjesta Maġisterjali f'fatti serji saret theddida pulita lil espert barrani imqabbad mill-Qorti, fil-kamra tal-lukanda tiegħu hawn Malta.  "Kontu tafu, per eżempju li meta sentejn ilu kien interċettat mowbajl ta' eks Ministru mid-dar tiegħu b'ordni tal-Maġistrat Inkwirenti, ipprova jħassar ħafna affarijiet mill-Cloud Storage tal-mowbajl tiegħu stess u li l-Ispettur litteralment kellu jimbuttah fuq is-sufan biex jeħodlu l-mowbajl minn idejh?" staqsa Azzopardi. 

Kien hawn li l-eks Deputat staqsa x'ried jaħbi dan l-eks Ministru li - skont hu  "Angelo Gafa' qed jipproteġi"

Huwa qal li l-eks Ministru kien involut f'argument jaħraq ma' negozjant kbir fil-Portomaso u fl-argument qaleb il-mejda wara li sar jaf illi kien hemm il-firma tiegħu ffalsikata fuq xi dokumenti. 

Azzopardi qal li hemm differenza kbira bejn li taghmel żball ġenwin u li bħala Ministru tkun kompliċi fil-ħasil tal-flus. "Bejn li tagħmel żball ġenwin u li bħala uffiċjal pubbliku tkun kompliċi f’omiċidju. Bejn li tagħmel żball ġenwin u li bħala uffiċjal pubbliku tkun kompliċi fi tliet hold ups. Bejn li tagħmel żball ġenwin u li bħala uffiċjal pubbliku tixxaħħam €30,000 kull xahar minn kuntratt pubbliku riċenti... Hemm differenza kbira bejn li ma tkunx perfett u li tkun ħalliel u qattiel."

Huwa qal li t-triq 'il quddiem għadha waħda diffiċli u wissa iżda li iktar "kemm tkun diffiċli, akbar se tkun id-determinazzjoni tagħna."

Intant għall-mistoqsija ta' dan is-sit, sors viċin il-każ li jitratta l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia ikkonferma mal-ILLUM li l-allegazzjonijiet ta' Azzopardi mhumiex ġejjin mill-evidenza li qed tirriżulta mill-każ tal-istess assassinju. 

More in Politika