Il-popolazzjoni ta' Maltin f'Malta tonqos bi 17% f'10 snin hekk kif il-popolazzjoni barranija 'tisplodi'

Perċentwalment il-Maltin f'pajjiżhom stess jonqsu bi 17.3% hekk kif il-perċentwal ta' barranin jitla' minn 4.9% biss għal 22.2%

Iċ-ċensiment tal-popolazzjoni Maltija jixhed kif iż-żieda tal-barranin f'pajjiżna, l-aktar minħabba żieda qawwija fil-ħaddiema barranin, irriżultat biex perċentwalment il-popolazzjoni Maltija tonqos bi 17.3% f'10 snin. Fil-fatt l-istess ċensiment juri kif fl-2011 il-Maltin kienu jifformaw 95.1% tal-popolazzjoni, iżda fl-2021 dan il-persentaġġ niżel għal 77.8%. Kuntrarjament għal dan, il-popolazzjoni barranija f'pajjiżna splodiet: Minn 4.9% fl-2011 għal 22.2% fl-2021. 

Dan ifisser li fl-2021 - meta fil-fatt id-dinja kienet għaddejja minn pandemija u fi żmien fejn numru ta' ħaddiema barranin telqu mill-pajjiż - għal kull 10 residenti, tnejn kienu barranin f'pajjiżna. 

Fl-istess perjodu l-popolazzjoni żdiedet b'aktar minn 100,000 persuna biex fl-2021 kienet taqbeż in-nofs miljun għal total ta' 519,562.

Tas-Sliema hija l-lokalità l-aktar densa, jiġifieri l-aktar li jgħixu nies kull kilometru kwadru fiha b'total ta' 15,167 persuna kull kilometru kwadru. Din il-lokalità fit-Tramuntana tal-Port hija segwita mil-Isla b'14,148 persuna kull kilomteru kwadru, Tal-Pietà (13,047) u l-Fgura (11,434). 

More in Politika