Il-PA toħroġ l-linji gwida għall-iżvilupp ta' krematorji: F'ODZ biss u mhux f'siti ta' valur naturali għoli

L-abbozz tal-policy jidentifika numru ta’ siti fejn krematorji waħedhom proposti mhux ser ikunu permessi, bħal pereżempju siti skedati bħala Żoni ta’ Valur Għoli tal-Pajsaġġ fost oħrajn

Biex titnaqqas il-pressjoni għall-estensjonijiet taċ-ċimiterji fuq medda twila ta’ żmien, l-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat proposta ta’ linji gwida tad-disinn li ser tidderieġi kif jiġu evalwati applikazzjonijiet għall-iżvilupp ta’ faċilitajiet ta’ kremazzjoni waħdehom.

Ir-reviżjoni tal-policy proposta tispeċifika li krematorju li mhux ser jifforma parti minn ċimiterju eżistenti jista’ jiġi kkunsidrat biss jekk ikun barra miż-żona tal-iżvilupp iżda sa 1.5 km mill-konfini taż-Żona Urbana Prinċipali (PUA) għal Malta. Ir-raġuni hija biex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta’ krematorji u li jiġu ċentralizzati fil-viċin taċ-ċentri ewlenin tal-popolazzjoni.

F’Għawdex, krematorju għandu jkun lokalizzat madwar iż-żona tar-Rabat/Xewkija. Il-proposti kollha għal krematorji waħedhom jeħtieġu li jkollhom l-approvazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa qabel ma jiġu kkunsidrati mill-Awtorità tal-Ippjanar. Ladarba dawn il-kriterji ewlenin jiġu sodisfatti, krematorju waħdu jiġi kkunsidrat biss jekk is-sit propost ikun jinsab post xieraq.

Barra minn hekk, krematorju għandu jkun aċċessibbli minn toroq li jiffurmaw parti min-netwerk tat-toroq Ten-T, komprensivi, arterjali u distributorji, kif ikkonfermati minn Transport Malta, u l-aċċess ikun sigur.

L-abbozz tal-policy jidentifika numru ta’ siti fejn krematorji waħedhom proposti mhux ser ikunu permessi, bħal pereżempju siti skedati bħala Żoni ta’ Valur Għoli tal-Pajsaġġ fost oħrajn. Kull krematorju għandu jkollu żona fuq quddiem maħsuba għall-ipparkjar tal-vetturi ċerimonjali, bini għaċ-ċerimonji fuq ġewwa, u spazju ta’ barra magħżul għat-tifrix tal-irmied bi ġnien tat-tifkira.

Il-bini taċ-ċerimonja, li ma jistax ikollu footprint ta’ aktar minn 500 metru kwadru għandu jinkludi mortwarju, kamra tal-wiri, kamra tal-kremazzjoni u faċilitajiet oħra relatati. L-għoli tal-bini ma jistax jaqbeż is-7.7 metri b’konċessjoni għall-karatteristiċi arkitettoniċi u l-istruttura taċ-ċmieni. B’mod ġenerali, id-disinn għandu joħloq struttura ta’ profil baxx iżda attraenti bi profil nadif u eleganti iżda sempliċi li jkun jaqbel mal-post u l-inħawi tiegħu. Id-disinn għandu jipprovdi sens ta’ paċi u trankwillità permezz tal-massa tiegħu, għażla ta’ materjali, kuluri u tisbiħ. Il-parkeġġ taħt l-art jista’ jiġi kkunsidrat fil-footprint tal-500 metru kwadru biss.

Tħaffir taħt iż-żoni ta’ spazju miftuħ, inkluż il-ġnien tat-tifkira, mhux ser ikun permissibbli. L-ispazji miftuħa u l-ġnien tat-tifkira għandhom ikunu mdawra b’mod xieraq bis-siġar, l-arbuxxelli u l-fjuri u għandhom jipprovdu spazju funerarju dinjituż u uman b’passaġġi u karatteristiċi tal-ilma. Id-dawl għandu jinżamm għall-minimu possibbli. Il-krematorji għandhom ikunu mgħammra bl-aqwa sistemi disponibbli ta’ teknoloġija ta’ filtrazzjoni u tnaqqis ta’ tniġġis għas-sodisfazzjon tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, u dawn għandhom jinżammu skont l-aqwa standards.

Il-krematorji elettroniċi huma wkoll preferuti, peress li jnaqqsu l-carbon footprint u jistgħu jiġu kkumpensati b’RES installati fuq il-post. L-iżviluppi tal-krematorji għandhom isegwu r-rekwiżiti legali tas-saħħa, gwida u standards li jiżguraw il-kwalità, is-sigurtà u l-valur tal-operazzjonijiet tal-krematorji kif stabbilit legalment mill-Ministeru għas-Saħħa u s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika permezz tal-Att dwar il-Kremazzjoni u l-Istandards Operazzjonali tas-Saħħa.

F’każ ta’ waqfien tal-użu bħala krematorju, il-bidla tal-użu għal użu ieħor tal-art hija strettament ipprojbita sakemm ma tinvolvix ir-riabilitazzjoni tas-sit għall-istat naturali tiegħu. 

More in Politika