'Nhar il-Ħadd ċiklist kellu jbati l-inkompetenza tal-awtoritajiet... Erfgħu responsabilità politika'

Tliet għaqdiet jiktbu ittra lill-Ministru Aaron Farrugia, lill-Kap Eżekuttiv ta' TM u ta' IM għal tibidilet għal aktar sigurtà fi Triq Sir Temi Zammit 

Triq Sir Temi Zammit
Triq Sir Temi Zammit

Tliet għaqdiet bagħtu ittra lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta l-Brigadier Jeffrey Curmi, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta s-Sur Ivan Falzon biex jitolbu li r-responsabbiltà politika tintrefa’ "għall-falliment tal-korsija tar-roti biex iċ-ċiklisti jinżammu siguri".

Nhar il-Ħadd 12 ta' Frar, ċiklist weġġa' gravi f’ħabta ma’ karozza waqt li kien qed juża l-korsija tar-roti fi Triq Sir Temi Żammit, li twassal għall-Imġarr. Din hija triq li saret mill-ġdid minn Infrastructure Malta fl-2021, taħt l-awtorità ta’ Transport Malta u l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, kontra r-rakkomandazzjonijiet infurmati mill-NGO lokali Rota.

Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta u Rota innutaw li dan mhux l-ewwel inċident li jenfasizza "l-insuffiċjenza" ta’ din il-korsija għaċ-ċiklisti ġdida u l-ittra miftuħa tagħhom issegwi ‘l fuq minn sentejn ta’ għajta pubblika mill-komunità taċ-ċikliżmu dwar "l-istat perikoluż tal-infrastruttura taċ-ċikliżmu f’din it-triq."

"Issa, ċiklist kellu jbati l-inkompetenza tax-xogħol tal-awtoritajiet," qalu l-għaqdiet. Għaldaqstant qed jitolbu li r-responsabbiltà politika tintrefa’ u jtennu mill-ġdid li t-triq terġa’ ssir b’konformità mal-aħjar prattiki biex l-utenti kollha tat-triq jinżammu siguri. Żiedu jgħidu li hija tal-mistħija li din il-korsija nżammet minkejja l-għajta mill-pubbliku u li l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali ma qalx kelma dwar is-sitwazzjoni, fit-tlett ijiem minn dan l-aħħar aċċident.

Saħqu li l-inċident tal-Ħadd seta’ jiġi evitat faċilment kieku s-suġġerimenti ta’ 'Rota'- jiġifieri ta' korsijii għar-roti segregati - ittieħdu mill-bidu, meta ġew ikkonsultati minn Infrastructure Malta waqt il-fażi tal-ippjanar ta’ din it-triq fl-2020.

"Huwa kompletament inaċċettabbli li Infrastructure Malta naqqset il-proċess ta’ konsultazzjoni għall-eżerċizzju ta’ tick boxing. Flimkien ma’ nuqqas sħiħ ta’ politika infurzabbli dwar l-infrastruttura taċ-ċikliżmu minn Transport Malta, Triq l-Imġarr fiha dik li possibbilment hija l-inqas korsija tar-roti li tista’ tintuża fil-gżira. Tant hija dejqa li ġġiegħel liċ-ċiklisti jerġgħu jingħaqdu mal-karozzi li jkunu għaddejjin b’veloċità qawwija f’diversi punti." Qalu wkoll li dan jirrappreżenta pass lura, mhux 'il quddiem, fl-inkoraġġiment tal-użu ta' mezzi attivi tat-trasport u fis-sikurezza tal-utenti kollha tat-triq.

Tennew li l-ippjanar tat-toroq għandu jfittex li jiżgura s-sikurezza għall-utenti kollha u jindirizza l-problema tad-dipendenza fuq il-karozzi privati. Jemmnu li żieda fil-penali waħedha mhux se tipprevjeni inċidenti fatali jekk l-infrastruttura tat-toroq tkompli tinkoraġġixxi l-karozzi a skapitu tal-mezzi l-oħra kollha tat-trasport.

Għalhekk qed jitolbu wkoll li jibdew minnufih ix-xogħlijiet ta’ disinn mill-ġdid ta’ Triq Sir Temi Żammit, skont standards internazzjonali tal-infrastruttura taċ-ċikliżmu, bħall-pjan propost mill-organizazzjoni Rota. "B'hekk ma jseħħux aktar inċidenti evitabbli f’din it-triq. Nistennew ukoll il-pubblikazzjoni ta’ standards nazzjonali għall-infrastruttura taċ-ċikliżmu, f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali, biex jiġi żgurat li fil-futur il-fondi pubbliċi ma jinħlewx fuq infrastruttura substandard u perikoluża," temmew jgħidu t-tliet għaqdiet. 

More in Politika