Il-Kumpanija Steward Healthcare, kitbet lill-Gvern Malti u insistiet li ssir investigazzjoni kontra l-ġurnalist u l-editur tal-Maltatoday Matthew Vella fuq rapport li kiteb illi fih iddeskriva l-ownership tal-kumpanija li ngħatat il-konċessjoni għal tliet sptarijiet pubbliċi bħala "mhux trasparenti" u qal li l-istess tmexxija ġiet sfidata mill-grupp ta' investigazzjoni finanzjarja Delaware. Fil-fatt it-tmexxija ta' Steward, ikompli jgħid l-artiku, hija magħmula b'mod li huwa mifhum li twassal biex Steward Healthcare - kemm jista' jkun - tiddistanzja lilha nnifisha mill-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni u frodi li kkaratterizzaw il-ftehim li kien sar bejn il-Gvern u l-VGH fl-2015.
Steward Healthcare qed takkuża lil Vella li kien f'kollużjoni ma' Viceroy Research, il-kumpanija li qed tistaqsi u tqajjem dubji dwar il-mod kif qed tkun iffinanzjata Steward Healthcare.
Vella ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u qal li dawn huma magħmulin biex iċappsu r-reputazzjoni tiegħu. Huwa qal li dan huwa każ ċar ta' bullying u "attakk fuq il-libertà tal-istampa li tirrapporta b'mod liberu lill-kritiċi ta' Steward. Dan huwa ferm inkwetanti," sostna Vella.
Sa mill-2022 Steward Healthcare insistiet li mhix parti minn Steward Systems fl-Istati Uniti. Steward Healthcare tmexxi sptarijiet fl-Ewropa u l-Amerika Latina, filwaqt li Steward Systems tmexxi sptarijiet fl-Istati Uniti.
Sa mill-2020 il-konċessjoni Maltija marret minn Malta, għal-Londra u issa Spanja f'kumpanija li jisimha Steward International li ma għadhiex ta' Steward Systems imma saret ta' Steward International.
L-investigazzjoni qed targumenta li Steward International hija traċċabbli għall-uffiċċji ta' Steward Systems u li l-Medical Properties Trust nefħet il-valur tal-assi ta' Steward International.
Intant l-għaqda Repubblika wkoll ikkundannat dak li sejħet bullying kontra l-ġurnalist minn Steward Healtcare u sostniet li huwa inaċċettabbli li din il-kumpanija tikteb lill-Gvern biex jinvestiga lil dan il-ġurnalist għax wettaq xogħolu.
"Il-ġurnalisti huma tarka qawwija kontra l-korruzzjoni u l-abbuż, partikolarment f’dak li għadda u forsi għadu għaddej f’dan il-qasam. Aħna nistennw li l-Gvern Malti jieħu pożiizzjoni ċara ma’ Steward International u li jikkundanna wkoll din it-talba," temmet l-istqarrija ta' Repubblika li rrimarkat kif din it-theddida saret fl-istess ħin li qed issir konferenza dwar riformi fil-qasam ġurnalistiku.