Repubblika : 'Keith Schembri bagħat kopja tal-proklama ta' Melvin Theuma lil Yorgen Fenech'

Robert Aquilina jistaqsi lil Angelo Gafà għaliex għadu ma ressaq lil ħadd il-Qorti minkejja evidenza ta' ksur ta' liġi

Il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina jisħaq li fost il-messaġġi li għandhom il-Pulizija - meħuda mill-mobile ta’ Yorgen Fenech, il-mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia - hemm wieħed li fih Keith Schembri bagħat kopja tal-proklama ta’ Melvin Theuma.

“Il-Korp għandu din l-evidenza f’idejh iżda qed jirrifjuta li jressaq lil persuni responsabbli l-Qorti,” qal Aquilina f'konferenza tal-aħbarjiet quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Huwa fakkar li fil-protesta li kienet sejħet Repubblika f’Novembru li għadda, huwa qal li l-Pulizija għandha biżżejjed evidenza b’saħħitha kontra żewġ eks uffiċjali tal-Pulizija, li kisru l-liġi billi wasslu informazzjoni sigrieta li kellu l-Korp dwar l-investigazzjonijiet tal-assassinju ta’ Caruana Galizia.

“Dakinhar semmejt lill-eks Kummissarju Lawrence Cutajar. Illum insemmi lill-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, l-eks Chief of Staff ta’ Keith Schembri u l-mandant tal-qtil Yorgen Fenech,” qal Aquilina.

Għaldaqstant Aquilina qed jitlob lill-Kummissarju, “biex ma jibqax jilgħab noli u jaffaċċja lill-ġurnalisti u lill-pubbliku biex jagħti rendikont ta’ fhiex wasal il-korp u għaliex mhux qed imexxi kontra dawn l-individwi, minkejja din il-muntanja ta’ evidenza konrihom.”

Huwa għamel referenza għal dak li qal Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, meta taħt ġurament qal li hu kien ħa lil George Degiorgio Portomaso biex jiltaqa’ ma Chris Cardona. Muscat allega fil-Qorti li Chris Cardona offra €150,000 fi ħlas għall-qtil tal-ġurnalista.

“Dan xehdu taħt ġurament. Mhux qed tinduna li b’din in-nuqqs ta’ azzjoni tiegħek qed tumilja lilek innifsek u lill-Korp?” staqsa Aquilina f’indirizz lill-Kummissarju Gafà.

Aquilina fakkar ukoll li l-Awditur Ġenerali, f’rapport uffiċjali, sab li diversi diretturi tal-Gvern ħallsu lilhom infushom għexieren ta’ flus żejda. “Jien ninsab infurmat li l-Korp, mhux biss ma ressaqx lil dawn il-persuni l-Qorti, iżda li lanqas biss wettaq investigazzjoni f’dan ir-rigward. Dawn huma tliet każi gravi ħafna u huma emblematiċi ta’ Korp tal-Pulizija li għadu maħtuf politikament bħalma kien fi żmien Lawrence Cutajar.”

More in Politika