Vince Muscat (il-Koħħu) qal quddiem il-Qorti li huwa kien saq lil George Degorgio sa Portomaso biex jiltaqa' mal-eks Ministru Chris Cardona biex b'hekk miegħu jiddiskuti l-€150,000 fi ħlas għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, tliet snin qabel ma' fil-fatt inqatlet il-ġurnalista. Fil-fatt Muscat kien qed jixhed dwar l-allegat attentat ta' qtil ta' Caruana Galizia lura fl-2014, liema attentat kien abortit.
Il-Koħħu, li qed jiskonta sentenza ta' 15-il sena priġunerija, wara li ammetta l-irwol tiegħu fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia li ntqatlet nhar is-16 ta' Ottubru 2017, kien qed jixhed illum quddiem il-Maġstrat Anna Felice. Muscat tkellem dwar l-irwol tiegħu bħala wieħed minn tliet irġiel involuti fit-tpoġġija u d-detonar tal-bomba li qatlet lill-ġurnalista.
Huwa elabora aktar fuq attentat preċedenti, liema attentat jgħid illi kien hemm l-eks Ministru Cardona warajh u li kien jinkludi lil George Degiorgio li wkoll ammetta l-ħtija fil-qtil ta' Caruana Galizia.
"Madwar tliet snin qabel il-pjan tal-2017, Degorgio kien qalli dwar laqgħa ma' Cardona. Kont ħadtu Portomaso u ħallejtu ħdejn ir-roundabout," sostna Muscat li qal ukoll illi Degorgio kiejn spjegalu kif il-laqgħa kienet saret sabiex jeħilsu minn Caruana Galizia.
Huwa qal li kien Degiorgio li qallu kif il-€150,000 kienu ġejjin minn Cardona.
L-eks Ministru kien jikri appartament f'Portomaso, għalkemm huwa kien ċaħad rapporti ta' Caruana Galizia li l-kirja kienet qed titħallaslu minn negozjanti li kienu qed imexxu l-Power Station.
II-Koħħu spjega kif kien iqatta' diversi jiem fil-Bindija jagħti ħarsa lejn dak li kien qed jiġri fil-Bidnija, fejn kienet toqgħod Daphne Caruana Galizia. "Imma ma konna naraw xejn. Qisu ħadd ma kien jgħix hemm," qal lill-Qorti. "George darba qalli biex immorru fil-parkeġġ u hemmhekk rajna karozza BMW, possibilment użata minn Daphne Caruana Galizia."
Saru wkoll mistoqsijiet dwar David Gatt, li l-Koħħu ukoll jinkludih fl-attentat abortit ta' qtil.
Vince Muscat issuġerixxa li Gatt - avukat li kien ikun ma' Chris Cardona - kien is-sensar f'dan il-pjan għall-qtil.