Bernard Grech lest iċedi postu imma ma jgħidx hux se jagħmel dan qabel l-elezzjoni tal-2024

Rapporti jgħidu li Grech, jekk jirriżenja mill-kariga tiegħu, 'irid jagħmel dan mingħajr ma jikkawża ħsara lill-partit'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ma jweġibx jekk hux se jżomm postu bħala Kap tal-Partit sal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fl-2024. F'risposta li ta lil midja, wara l-Kunsill Ġenerali, huwa insista li kull deċiżjoni li tittieħed se tkun dejjem ibbażata skont l-aħjar interess tal-partit innifsu.

Dan qalu fid-dawl tal-istorja li dehret fuq The Sunday Times li fih jingħad li strateġisti tal-PN qed jittamaw li l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tirritorna lura fix-xena politika Maltija u tieħu r-riedni f'idejha. Sorsi tal-istess gazzetta saħqu li Grech qiegħed jikkontempla l-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-Partit, wara n-nuqqas ta' riżultati fl-aħħar elezzjoni ġenerali u wara. Infakkru li l-PN tilef l-elezzjoni ġenerali fl-2022 b'distakk ta' 39,500 vot.

Dawn l-istess sorsi qalu li l-partit huwa determinat li jevita elezzjoni oħra, bħalma ġara meta ġie maħtur Grech bħala s-suċċessur tal-eks Kap tal-PN, Adrian Delia. Qalu ukoll li approvazzjoni "paċifika, ikkordinata u unita" għal tmexxija ġdida hija ideali.

Sors minnhom qal li, "Grech jirrikonoxxi li l-ħidma tiegħu falliet biex inaqqas il-maġġoranza tal-Partit Laburista u indika li m'għandux intenzjoni li jiġġieled biex jibqa' fit-tmexxija. Minkejja dan, jekk jagħżel li jirriżenja mill-pożizzjoni tiegħu, jixtieq li din id-deċiżjoni ssir b'mod tajjeb mingħajr ma tikkawża ħsara lill-partit." 

"Jiena determinat li kuljum nibqa' naħdem u nieħu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-Partit," qal Grech ilbieraħ wara l-Kunsill Ġenerali. Huwa żied jgħid li l-futur għal ħadd ma hu garantit, "l-importanti li jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-Partit."

Intant f'sondaġġ tal-MaltaToday, irriżulta li l-persentaġġ ta' persuni li jagħżlu li ma jivvutawx fl-elezzjoni li jmiss qabeż dak tal-persuni li qalu li kieku ssir elezzjoni jivvutaw għall-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt 23.9% b'kollox qalu li mhux se jkunu qed jivvutaw filwaqt li 22.8% qalu li se jkunu qed jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.

More in Politika