Il-Qorti tiddikjara storja li swiet lil Alfred Mifsud it-tmexxija tal-Bank Ċentrali bħala 'falza'

Kienet Daphne Caruana Galizia li allegat illi Mifsud - illi kien imexxi l-Mid Med Bank -  kien aċċetta ammonti kbar ta' flus kontanti minn kumpanija li sussegwentement rebħet tender mill-istess bank

Blog li kien inkiteb mill-ġurnalista - assassinata fl-2017 - Daphne Caruana Galizia li fih akkużat lill-eks Chairman tal-Mid Med Bank u eks Chairmen ta' ONE Productions Alfred Mifsud illi irċieva ammonti kbar ta' flus kontanti meta kien fil-kariga, kien iddikjarat libelluż. Mifsud kien Chairman tal-Mid Med Bank bejn l-1996 u l-1998. 

Caruana Galizia kienet allegat illi Mifsud kien irċieva eluf f'liri Maltin mingħand negozjant Malti li kien qed jirrapreżenta kumpanija Amerikana tal-IT. Mifsud kien ċaħad u qal illi l-kumpanijna in kwistjoni kienet rebħet tender wara li kienet magħżula mill-bord tal-istess bank u sussegwentement fetaħ proċeduri kontra Caruana Galizia. Huwa qal li s-sorsi tagħha ma kinux affidabbli u kienu mmotivati minn sens ta' tpattija u mibgħeda wara li relazzjoni li kellu hu mal-istess sors falliet. 

Caruana Galizia stess fil-fatt kienet xehdet illi l-eks sieħba ta' Mifsud kienet marret għandha bl-istorja. Din qalet lill-ġurnalista li kienet hi stess li rat il-flus jgħaddu minn id għall-oħra. Mifsud, minn naħa tiegħu kien xehed illi l-eks sieħba tiegħu kienet użat lill-ġurnalista biex theddu. 

Meta saru dawn l-allegazzjonijiet isem Mifsud kien il-favorit għat-tmexxija tal-Bank Ċentrali, iżda minħabba dawn l-allegazzjonijiet kellu jirtira kull interess f'din il-kariga. 

Meta kien qed jagħti s-sentenza l-Maġistrat Victor George Axiaq iddikjara li minkejja li ma kellu ebda dubju li l-intenzjonijiet tal-ġurnalista ma kinux ħżiena u li emmnet dak li qaltilha l-eks sieħba ta' Mifsud, ma tistax tinjora l-fatt li l-allegazzjonijiet kienu foloz u li l-ħsara ma kinitx żgħira. 

 

More in Politika