Intervista Esklussiva ma' ħu Lino Cauchi: 'Tfixkil, pressjoni u forsi rikatt... Biex il-verità ma toħroġx'

Rikatt, investigazzjonijiet li ma jwasslu imkien, politiċi, intriċċi, parir ta' Kappillan u falliment tal-Istat. Joe Cauchi intervistat mill-ILLUM dwar il-qtil ta' ħuħ Lino fl-1982

Mal-gazzetta ILLUM, jitkellem Joe Cauchi
Mal-gazzetta ILLUM, jitkellem Joe Cauchi

Tista’ timmaġina li kieku joqtlu lil ħuk, missierek jew ir-raġel tiegħek u sena wara sena tibqa’ tistenna l-ġustizzja li ma tasal qatt? Din hija r-realtà kiefra tal-familja ta’ Lino Cauchi, li għeb fl-1982 u nstab imbiċċer f’bir fl-1985. Kellu jkun 41 sena wara l-għejbien tiegħu li l-Qorti iddikjarat li l-Istat, huwa responsabbli talli naqas milli jinvestiga l-għejbien u l-qtil ta’ Lino u li baqgħet ma nfetħitx inkjesta Maġisterjali dwar dan l-istess delitt. 

Minkejja l-kumpens li ngħatat il-familja, dan mhux biżżejjed għal Joe Cauchi, ħu Lino. Fil-fatt f’intervista ma’ din il-gazzetta, ftit jiem biss wara li nqrat is-sentenza fil-Qorti, Joe tkellem dwar x’qed tistenna l-familja mill-Pulizija issa, x’mar ħażin fl-aħħar 41 sena u s-suspetti tal-familja ta’ min seta’ qatlu, hekk kif sal-lum, il-qattiel ta’ Lino Cauchi għadu qatt ma iffaċċja r-riperkussjonijiet serji ta’ għemilu. 

Piju Camilleri u Lorry Sant...

Proprju fuq hekk, l-ILLUM tistaqsi lil Cauchi dwar wieħed mis-suspettati f’dan il-qtil Piju Camilleri, l-id il-leminija tal-eks Ministru Lorry Sant, li dejjem ċaħad l-involviment tiegħu f’dan il-qtil. Meta fl-aħħar ġie investigat dwar dawn is-suspetti, ma kien hemm ebda evidenza konkreta kontrih, minkejja r-rakkonti ta’ żewġ laqgħat splussivi li għalihom attenda Cauchi u li jingħad li nqatel minħabba il-ftehim li ntlaħaq fihom. 

Fuq hekk, l-ILLUM iddur fuq Joe Cauchi u tistaqsih jekk jaħsibx li dawn l-istess suspettati, kellhomx interess li dan il-każ ma jiġix solvut u fuq kollox jekk jemminx li dawn l-istess persuni għandhomx jerġgħu jiġu investigati, mill-ġdid. 

“Is-suspett hemm qiegħed. Is-suspett qawwi huwa li kien hemm min qed ifixkel li jsiru l-investigazzjonijiet u ma saritx pressjoni biss fuq il-Gvern tal-ewwel ftit snin imma anke fuq il-Gvernijiet ta’ wara ... jew inkella sar rikatt, ma nafx,”sostna Joe Cauchi. 

Huwa għamel referenza għal ritratti personali u intimi li kienu jikkompromettu li membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti u li tpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra mill-eks Ministu Lorry Sant. “Kellu mod kif jakkwista ċertu informazzjoni li biha, donnu, jista’ jirrikatta,” kompla jgħid ħu Lino Cauchi. 

Tajjeb li nfakkru li Cauchi kien l-accountant ta’ Piju Camilleri u li f’Novembru tal-1981, tliet xhur qabel l-għejbien, saret laqgħa bejn Joe Pace, Camilleri, Joseph Borg, Victor Balzan, in-nutar Joseph Saydon u Lino. Borg u Balzan riedu jibnu fuq art fil-Fgura u biex jingħata l-permess, Camilleri talab 22 plot minnhom. 

Is-sejba ta' Lino Cauchi, mqatta' u mormi f'bir
Is-sejba ta' Lino Cauchi, mqatta' u mormi f'bir

Ġara iżda li fit-8 ta’ Diċembru 1981 intlaħaq ftehim li fih il-kumpanija ta’ Camilleri u Pace ingħataw 22 plot. Minkejja dan, sar ftehim ieħor privat imfassal minn Lino. Dan kien jgħid li Camilleri kien se jagħti 30 plot lura lil Borg, bil-patt u l-kundizzjoni li Borg iwaqqaf il-kawża li kellu miftuħa fil-Qorti kontrih. Dan il-ftehim għeb mill-pussess ta’ Cauchi u baqa’ qatt ma nstab. Infakkru li l-bagalja ta’ Cauchi nstabet vojta u żgassata fic-Chadwick lakes, jumejn wara li għeb.

‘41 sena inġarrbu l-attakki. Sena wara l-oħra’

L-ILLUM tagħmel referenza għall-iżviluppi, jew in-nuqqas tagħhom, f’dan il-każ. Fl-1982 ġie rraportat nieqes, fl-1985 instab il-katavru, fl-1988 ġie ikkonfermat li l-katavru li nstab kien ta’ Lino Cauchi, fl-1989 jindifen u fl-2023 jingħataw kumpens. Seba’ snin biex Lino jindifen u 41 sena biex jiġu rikonoxxuti n-nuqqasijiet f’dan il-każ. 

“Meta mbagħad tqis li f’dawn il-41 sena - sena wara sena- dejjem ġarrabna l-attakki, ma tantx nibqa’ konvint li l-investigazzjoni kienet waħda tajba. Aħna domna nistennew ħafna biex xi darba jkun hemm żviluppi. Tant hu hekk li meta nbidel il-Gvern fl-1987, stennejna l-mirakli, iżda għalxejn,” qal Joe. 

Huwa saħaq li l-biża’ tiegħu, anke jekk dan huwa biss suspett, huwa li seta’ kien hemm xi theddid lejn awtoritajiet li jinvestigaw jew persuni f’karigi għolja li setgħu wasslu biex l-investigazzjonijiet ma jsirux kif suppost. “Seta’ kien hemm ostakli. Imma dawn huma biss suspetti,” qal Joe. 

Mistoqsi għal min beda jirreferi, huwa saħaq li, “dak iż-żmien, ma kinitx daqstant kerha li Ministru jindaħal fejn ma jesgħux.” 

Lino u martu Anna meta ngħaqdu fiż-żwieġ
Lino u martu Anna meta ngħaqdu fiż-żwieġ

‘Il-kumpens għalija huwa materjalistiku, mhux importanti. Iżda l-kliem li uża l-Imħallef kien wieħed b’saħħtu’  

Din il-gazzetta tistaqsi dwar il-mument li esperjenzaw ftit jiem preċedenti, fil-Qorti. Joe qal li għalih il-kumpens mhux ta’ importanza. Qal li l-għażla tal-kliem tal-Imħallef  Francesco Depasquale kienet sinifikati u inkredibbli. Għaliex? 

“Kien hemm nofs il-popolazzjoni, inkluż membri tal-familja, li lanqas kienu jemmnu li dan kien każ daqstant ikrah bl-involviment ta’ politiċi,” qal Joe. 

Il-missjoni tal-familja għall-ġustizzja ma waqfitx biss nhar is-26 ta’Jannar meta nqara dan il-kliem. Fil-fatt qed jitolbu biex il-każ jiġi investigat mill- mill-bidu sal-aħħar, biex xi darba il-qattiel jieħu dak li ħaqqu. 

Din il-gazzetta tagħti xenajru lil Joe u tistaqsih x’kien jgħid lil Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, li kieku kien preżenti fil-kamra fejn saret l-intervista. Stqarr li kieku dan kien il-każ kien ikollu ħafna xi jgħid “u naħseb li ndum sagħtejn inkellmu. Iżda s-suġġeriment tiegħi ikun li jekk imqar jaqbad ma’ dettall żgħir, u li forsi huwa ovvju, inkunu nistgħu insibu xi ħaġa aktar fil-fond.” 

Jibda l-proċess tal-awtopsja
Jibda l-proċess tal-awtopsja

‘L-arrest ta’ Anna kien wieħed kriminali, li sar minn Laburist ġenwin u li obda ordni’ 

Anna Cauchi, il-mara ta’ Lino, kellha biss tliet xhur tqala meta r-raġel tagħha għeb. Ftit xhur wara li welldet u madwar sena mill-għejbien ta’ Lino, Anna tiġi arrestata mill-Ispettur Anglu Farrugia, illum Speaker tal-Parlament. Hija baqgħet l-unika persuna arrestata fl-ewwel 20 sena tal-investigazzjoni.

Joe qal li l-arrest tal-mara ta’ Lino kien wieħed “kriminali u mill-aktar ikrah. Is-suspett tagħna huwa li xi ħadd ordna lill-Ispettur, li kien Laburist ġenwin  u dan obda ordni. Ċerti li ma kellux f’moħħu xi ħaġa kerha, għaliex kien ġenwin.” 

Huwa irrimarka b’dispjaċir u rabja li normalment meta persuna tkun arresta jkun hemm il-minuti ta’ x’ħin daħlet, x’ħin ħarġet u x’ġara waqt l-interrogazzjoni. “Iżda f’dan l-arrest, ma kien hemm xejn. Probabbli jekk kien hemm 100,000 każ, dan l-uniku wieħed li ma kienx hemm rekord tiegħu.” 

L-ILLUM twaqqfu u tirrimarka li tul din l-investigazzjoni din ġrat diversi drabi, inkluż fuq testijiet tal-forensika tal-karozza u tal-bagalja ta’ Cauchi, li nstabet żgassata. Din ma tirrabjahx? 

“Mhux tirrabjani biss. Agħar minn hekk l-arrest sar fuq Anna biss. Arrestaw lil mara, wara li ħadulha lir-raġel waqt li kienet għadha kif twelled, lanqas titwemmen. L-unika persuna arrestata f’20 sena,” kompla Joe.  

Joe tkellem ukoll fuq iben Lino, Paolo, li saħaq li bniedem ma’ jistax ma jitkissirx jekk f’ħajtu ħlief krudeltajiet u tgerfix ma semax. “Il-bambin jaf x’sema’.”

Hekk kif issemmiet Anna, l-ILLUM tagħmel referenza għal jum wara l-għejbien ta’ Lino meta ċertu Charles Zammit minn l-Inland Revenue talab lil Anna biex tingħata l-bagalja (briefcase) addizzjonali li kellu fil-pussess tiegħu Lino. 

Joe iċċara li, kuntrarju għal dak irrapportat preċedentament, ma kienx hemm it-tieni bagalja iżda kellu biss xi dokumenti taħt it-taraġ. Huwa spjega li fil-qagħda li kienet Anna hija tatu dawn id-dokumenti. “Jekk setgħux jinvestigaw din l-affari aħjar, huwa ovvju. Nifhem ukoll li forsi Lino kellu xi files li kellhom jingħataw lura lid-dipartiment,” kompla Joe. 

Anna u binha Paolo
Anna u binha Paolo

‘Il-mewt ta’ Manfrè huwa wieħed misterjuż. 99.9% huwa li hemm konnesjoni’ 

Qabel ma beda jaħdem għal rasu, Lino kien jaħdem fil-kumpanija Diamantino Manfrè. Ftit qabel l-għejbien ta’ Lino, Lino Manfrè, l-imgħallem ta’ Lino Cauchi qabel ma telaq, miet mewta li ħafna, inkluż il-familja Cauchi qalu li kienet “misterjuża. Rapporti qalu li kien l-Isptar San Luqa, kien mistenni li jirkupra u f’ħabta u sabta miet. Minkejja li l-mewta tiegħu kienet irreġistrata bħala mewta naturali,  qatt ma spjegat għaliex pajp mediku inqala minn ma’ Manfrè. 

B’riżultat ta’ dan Cauchi irdoppja l-assigurazzjoni personali tiegħu, mossa li ħafna qalu li kienet tindika li Cauchi kien beżgħan għal dak li kien ġej għalih. 

Din il-gazzetta tistaqsi lil Joe jekk Lino qatt esprima biża’ fix-xhur qabel ma għeb. “Mill-body language konna nissuspettaw li hemm xi ħaġa li tista’ tkun gravi. Ġieli semma farka żgħira. Siegħa qabel ma’ għeb, Anna kienet qaltilna li ftit xhur qabel Lino qal li kien qiegħed jisma’ l-passi fuq il-bejt. Probabbli fl-istess żmien li saret dik il-laqgħa tal-kriminali, li kien preżenti għaliha Lino,” qal Joe b’refernza għall-laqgħa tal-1981. 

Meta mistoqsi jekk kienx informa lil Pulizija, Joe qal li Lino ma kien qalilhom b’xejn “għax probabbli kienu jistaqsuh f’min qed jissuspetta. Ma setax isemmi ismijiet. Kien jaf ma’ min qed jagħmilha.” L-ILLUM terġa’ tistaqsi jekk dan kienx investigat wara l-għejbien tiegħu u huwa wieġeb fin-negattiv. 

Din il-gazzetta terġa’ tfakkru f’Manfrè u din id-darba tistaqsi jekk jemminx li hemm konnessjoni bejn il-mewta ta’ Manfre u l-qtil ta’ Lino. “99.9% li iva. Miet misterjożament u ftit wara kien imiss lilu. Ħijja kien jaf li dawk li qatlu lil Manfre issa kienu se joqtlu lilu,” qal Joe. 

‘Meta staqsejna x’ġara mill-investigazzjoni, ma qalulna xejn’ 

Din l-intervista terġa’ ddur fuq l-investigazzjoni tal-każ b’reazzjoni għall-artiklu ippubblikat mill-MaltaToday li fih, jikkwota maġistrat jgħid li f’dan il-każ hemm possibilità ta’ involviment tal-Pulizija. 

“Is-suspett hemm qiegħed u aħna issuspettajna li kien hemm xkiel u li ma saritx pressjoni biżżejjed mill-Gvernijiet,” qal Joe. 

Huwa jagħmel referenza wkoll għall-investigazzjonijiet ta’ uffiċjali ta’ Scotland Yard li kienu nkarigati biex jinvestigaw każijiet mhux solvuti fosthom ta’ Lino u ta’ Karin Grech. 

“Bagħtu għalina, kienu f’lukanda u kienu qed jippakkjaw għax kienu se jitilqu. Qalula li l-Gvern il-ġdid keċċihom. Dak iż-żmien għamlu madwar erba’ xhur fuq il-każ ta’ Grech u kienu se jibdew ta’ Lino. Fil-fatt għamlu biss madwar siegħa u sagħtejn xogħol fuq il-każ,” qal Joe. 

B’dieqa qal li kull darba li staqsew lil Awtoritajiet dwar l-investigazzjoni, qatt ma qalulhom xejn. “Jekk kienx hemm xi ħadd mhedded, ma nafx. Iżda dik mhix risposta.” 

Min hu Fr Joseph Balzan? Kif kien jaf li Lino se jinstab ġewwa bir? 

Din il-gazzetta tistaqsi dwar il-kappillan Joseph Falzon, b’mod partikolari għaliex qal lill-Anna u lil familja ta’ Lino, ftit biss wara li għeb, biex ifittxu għal-Lino fil-bjar. 

Joe jirrakkonta li b’din l-informazzjoni “taħraq” il-familja fittxet fil-bjar iżda huwa kien qalilhom biex ifittxu madwar Santa Venera, fejn kienu jgħixu Anna u Lino. Eventwalment insiru nafu li veru instab ġewwa bir, iżda fil-Buskett fl-1985. 

Falzon kien jaf lill-familja sew u kien stqarr mal-familja li tant kien beżgħan, li mexa’ lejn id-dar tagħhom u mhux saq. Madankollu, Falzon biddel il-verżjoni tiegħu meta interrogat fl-2002.

“Forsi qal hekk b’kumbinazzjoni li anqas titwemmen, jew inkella kellu xi tip ta’ informazzjoni u biża’ li setgħu qalulu li kienu se jagħmlulu l-istess, kif għamlu lil Lino waqt dak il-laqgħa,” qal Joe. 

Mistoqsi dwar jekk saritx investigazzjoni serja fuq dak li qal Falzon, Joe wieġeb li, “titkellem mod, li tinvestiga mod ieħor u li tagħmillu pressjoni forsi ġġibu dahru mal-ħajt u jitkellem, mod ieħor ukoll.” 

L-ILLUM u Joe jerġgħu jitkellmu dwar il-ġustizzja, il-qofol ta’ battalja qalila li ilha għaddejja aktar minn erba’ deċennji. Joe qal li għall-familja u dawk kollha li jiftakruh huwa importanti. Huwa irrakkonta li f’dak il-perjodu sakemm għeb u ġie identifikat hu baqa’ bit-tama. 

“Darba mort Londra u ħsibtni li rajtu. L-immaġinazzjoni taħrab bik, huwa dak iż-żmien kien għadu rraportat nieqes. Għandna bżonn closure. Il-bieb mhux se jingħalaq kollu, imma almenu jkun imbexxaq sew u ma’ jibqax at the back of our minds.” 

‘Lino kien iħobb il-ħajja... F’żogħżitu mar l-Irlanda u beda jaħsiba jerġax jinżel lura Malta’

Iżda qabel xejn. Min hu Lino Cauchi? Ħafna jafu bl-istorja tal-qtil makabru tiegħu iżda fuq il-karattru tiegħu ftit li xejn nafu. Joe iddeskriva lil ħuh bħala persuna li kien iħobb il-ħajja u minkejja s-suċċessi fil-karriera tiegħu, speċjalment meta laħaq awditur, ma kienx studjuż. 

Fil-fatt Joe irrakkonta li ftit qabel ma’ għamel l-aħħar eżamijiet biex jilħaq accountant, mar jaħdem f’bar fl-Irlanda. “Kien qiegħed jaħsiba darba, darbtejn jekk jirritornax lura Malta għax il-ħajja fis-snin 80 hemm kienet ħafna aktar vivaċi minn dik ta’ hawn,” kompla Joe. 

Huwa stqarr li kien bniedem li jgħix għall-mument u li l-ħin kollu jiċċajta, karatteristika li żgur hija komuni fil-familja, għax mhux l-ewwel darba li Joe irrakkonta xi ċajta żgħira, anke f’nofs konverżazzjoni ta’ ċertu niket. 
 
Joe ħadna lura għat-tfulija tiegħu u ta’ ħuh u spjega li waħda mill-aktar affarjiet indimentikabbli għalih kienu l-logħob tal-futbol. Qal li fis-sajf kienu jmorru fil-villeġġjatura f’San Pawl il-Baħar u li kienu jilgħabu ma’diversi timijiet, inkluż dak tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. 

“Lino kellu talent kbir u dejjem kien jipprova jrebbaħna. Imma kellu jieqaf minħabba x-xogħol għax dan jirrikjedi ħafna aktar ħin u importanza,” qal Joe. 

Lino Cauchi
Lino Cauchi

More in Politika