Għaqdiet iressqu azzjoni kollettiva biex jiġi revokat il-permess għall-bini ta' razzett tan-nagħaġ 'finta'

Sitt għaqdiet u aktar minn 100 persuna jieħdu passi legali kontra proġett li hu propost li jinbena f'tal-Ħżejjen, fil-Bidnija 

Sitt għaqdiet u iktar minn 100 individwu ressqu azzjoni kollettiva biex jiġi revokat il-permess għall-bini tar-razzett tan-nagħaġ, f’dak li qabel kien wied mhux mittiefes magħruf bħala tal-Ħżejjen fil-Bidnija. Din l-azzjoni saret possibbli b'diversi kontribuzzjonijiet li ta l-pubbliku b’risposta għall-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi li għamel il-Moviment Graffitti, fejn is-somma meħtieġa biex jittieħdu passi legali kontra dan il-permess, inġabret fi ftit jiem.

L-għaqdiet involuti huma Moviment Graffitti, Birdlife Malta, Malta Youth in Agriculture (MaYA), Nature Trust - FEE Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) u Din l-Art Ħelwa. Huma qalu li dan mhux razzett tan-nagħaġ ġenwin imma proġett finta li minfloku se tinbena lukanda kummerċjali f’wied protett, kif uriet l-applikazzjoni ta’ wara, li tablet biex din l-istruttura tiġi mibdula f’post kummerċjali bil-kmamar għall-viżitaturi. 

Minn meta ġiet approvata l-ewwel applikazzjoni tal-ippjanar fuq dan is-sit, fl-2019, bosta għaqdiet ambjentali, mezzi tax-xandir u l-pubbliku, ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li bdiet tinbena struttura massiva f'nofs żona kompletament rurali u Barra mill-Iżvilupp (ODZ), li tiġbor fiha wkoll ħabitats tal-ilma ħelu ta’ valur ekoloġiku kbir. Ħafna baqgħu skantati kif struttura, li tikkonsisti f’żewġ sulari, f’partijiet miftuħa fejn jistgħu jintlaqgħu n-nies u pixxina fuq il-bejt, ġiet approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) "bl-iskuża li hija razzett tan-nagħaġ." 

Dawn l-għaqdiet saħqu li huwa ċar li "dan il-permess inħareġ bil-qerq u l-gideb. L-uffiċjal tal-PA, li evalwa l-każ bl-iktar mod konvenjenti, ma semmiex dawk il-politiki li jiddikjaraw b’mod ċar ħafna li f’dawn l-inħawi sensittivi ma jistax iseħħ żvilupp. Hemm affarijiet oħra li tħallew barra u diskrepanzi suspettużi li huma evidenti meta ngħata l-permess għal dan l-iżvilupp."  

Kien għalhekk li l-għaqdiet u diversi persuni oħra ngħaqdu flimkien biex iressqu talba għar-revoka ta’ dan il-permess oxxen. "M’aħniex se noqogħdu kwieti waqt li l-PA tkompli titratta lill-pubbliku bi stmerrija u tħalli l-ambjent naturali jkompli jinqered," qalu l-għaqdiet. 

More in Politika