Aquilina jisħaq li l-PM għandu jiskuża ruħu talli qal li kkomunika ma' membri tal-ġudikatura

Iżda l-Partit Laburista jfakkar li kien Robert Abela li reħa minn idejh il-poter li kellhom il-Prim Ministri qablu li jaħtru Membri tal-Ġudikatura

Il-Partit Nazzjonalista - permezz tal-Kelliem tiegħu għall-Ġustizzja - sejjaħ lill-Prim Ministru Robert Abela biex jirtira d-diskors li qal dwar il-Qrati u l-Membri tal-Ġudikatura fid-diskors tiegħu f’Birkirkara l-Ħadd filgħodu, kif ukoll jiskuża ruħu "għall-imġieba ħażina u l-eżempju ħażin li ta bid-dikjarazzjonjiiet irresponsabbli u perikolużi li għamel."

"F’soċjetà demokratika mhu aċċettabbli qatt li Prim Ministru jkollu u jiftaħar waqt laqgħa politika, li qed ikollu komunikazzjonijiet ma’ membri tal-ġudikatura meta jaf li l-membri tal-ġudikatura huma fid-dover li ma jikkomunikawx ma’ ebda persuna dwar il-qadi tad-doveri tagħhom," sostna fi stqarrija Aquilina. 

Huwa fakkar kif ftit tal-ġimgħat ilu biss il-Prim Ministru għadda wkoll rimarki dwar l-għażla tal-membri tal-ġudikatura f’tentattiv ċar biex jipprova jinfluwenza lill-persuni li huma involuti fl-għażla tal-persuni li għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika bħala Imħallfin u Maġistrati.

"Hu skandaluż kif, minflok jiżgura li l-Prim Ministru jaġixxi b’mod korrett, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard spiċċa kompliċi miegħu u issa qed jipprova jiġġustifika u jiftaħar bl-imġieba ħażina tal-Prim Ministru. Bl-imġieba ħażina u ripetuta tagħhom, Robert Abela u Jonathan Attard qed jikkonfermaw li m’għandhom l-ebda rispett lejn l-indipendenza u l-awtonomija tal-membri tal-ġudikatura," temm jgħid id-Deputat Karol Aquilina. 

'Kien Abela li bħala PM telaq għal kollox minn idejh il-poter li jaħtar il-ġudikanti' - Partit Laburtista

Intant fi stqarrija b'risposta l-Partit Laburista sostna li dak li qal Aquilina huwa sinjal ieħor ta’ Partit Nazzjonalista "maħkum minn min irid jiddefendi l-istatus quo."

Il-PL qal li s-soċjetà kollha għandha dritt tippretendi l-ħarsien mill-istituzzjonijiet kollha li qegħdin hemm biex iħarsuha u jaħdmu favuriha.

"Dwar l-indipendenza tal-ġudikatura żgur li l-Prim Ministru Robert Abela ma jiħux tagħlimiet mingħand il-Partit Nazzjonalista, meta kien hu l-Prim Ministru li telaq għal kollox minn idejh il-poter li jaħtar il-ġudikanti. Dan fl-ikbar sinjal ta’ rispett lejn l-indipendenza u fiduċja fl-istituzzjonijiet," temm jgħid il-Partit Laburista. 

More in Politika