Skema b'investiment ta' €10 miljun se tkun qed tħaddar il-komunitajiet Maltin u Għawdxin

B'din l-iskema, kunsilli lokali, għaqdiet mhux governattivi u skejjel fost oħrajn se jingħataw għajnuna finanzjarja biex isebbħu l-komunitajiet tagħhom

Illum ġiet imħabbra l-iskema tal-Community Greening Grant mill-aġenzija Project Green, li permezz ta' investiment ta' €10 miljuni, komunitajiet f’Malta u Għawdex se jingħataw l-opportunità li jħaddru spazji fil-lokalitajiet tagħhom.Din ġiet varata mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.

Permezz ta’ din l-iskema, kunsilli lokali, għaqdiet mhux governattivi u skejjel fost oħrajn se jingħataw għajnuna finanzjarja biex isebbħu l-komunitajiet tagħhom. Project Green se tkun qed tilqa’ dawn l-applikazzjonijiet u tiggwida wkoll dawk il-proġetti li jkunu eleġibbli għal Fondi Ewropej.  Barra minn hekk, Project Green se toffri assistenza lil min ikollu bżonn għajnuna teknika, biex b’hekk tħeġġeġ aktar għaqdiet japplikaw.

Din l-iskema se tkun qed tinċentiva l-ħolqien ta’ spazji ħodor ġodda, li jagħtu nifs ġdid lill-komunità u r-residenti li jgħixu fil-madwar. L-iskema tħeġġeġ l-identifikazzjoni ta’ siti li maż-żmien sfaw mitluqa, jew li jistgħu jinfetħu għall-pubbliku. Din l-iskema se tkun qed tindirizza wkoll problemi relatati mal-immaniġjar tal-ilma li qed jaffaċċjaw komunitajiet fl-ispazji pubbliċi tagħhom. Dan biex jonqos ir-riskju ta’ għargħar.

“Din hija waħda mill-akbar skemi ta’ fondi għal proġetti ambjentali fil-komunità li qatt kellna f’pajjiżna. Qed nagħtu €10 miljuni direttament lill-komunitajiet tagħna biex iwettqu l-proġetti ambjentali li dejjem xtaqu li jkollhom fil-lokalitajiet tagħhom. L-iskema hija mmirata li tħeġġeġ l-innovazzjoni u l-kwalita; irridu li l-poplu jieħu lura l-akbar rate of return possibbli għall-fondi li ser ninvestu,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari għal fondi Ewropej Chris Bonett qal li kommessi li permezz tal-fondi Ewropej Project Green tkun tista’ twettaq proġetti li jkomplu jsebbħu pajjiżna.

“L-ambjent huwa ta’ prijorità għalina u kommessi li mill-programm il-ġdid ta’ fondi Ewropej ninvestu dawn il-flus f’investimenti u proġetti biex nsebbħu l-ambjent tagħna u noħolqu aktar spazji ħodor li jitgawdew mill-familji tagħna,” qal Dr Bonett.

Il-Kap Eżekuttiv  tal-aġenzija Steve Ellul spjega kif Project Green se tkun qegħda mhux biss tipprovdi sapport tekniku qabel u waqt l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti iżda permezz tal-Community Greening Grant se tkun qed tiffinanzja 90% tal-ispejjeż kollha ta’ dawn il-proġetti.

More in Politika