'Għandha ssir aktar konsultazzjoni fuq il-bidliet għall-Emenda dwar it-terminazzjoni tat-tqala'

Lawyers for Choice jappellaw lill-Gvern għal aktar konsultazzjoni u trasparenza

Lawyers for Choice, komunità ta' avukati favur l-għażla, qed isejħu għal proċess trasparenti u li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fl-emendi għall-Abozz Numru 28, jiġifieri l-emenda li ressaq il-Gvern, jiġifieri li t-tobba jingħataw l-għażla li jitterminaw it-tqala f'każ ta' kumplikazzjonijiet serji. Avukati favur l-Għażla saħqu li filwaqt li ntqal ħafna li se jkun hemm tibdil f'din l-emenda, ftit huwa magħruf. 

"Huwa xokkanti kif tali emendi qed isiru mingħajr ebda konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u dan żgur ma jawgurax tajjeb għar-riżultat aħħari. Dan in-nuqqas ta' trasparenza jġib miegħu biss iktar kampanji ta' miżinformazzjoni minn ċertu gruppi," qalu Lawyers for Choice, fl-istqarrija tagħhom. 

Din il-komunità, hija relattivament ġdida u ġiet maħluqa minn Jenny Orlando-Salling, Desiree Attard u Emma Portelli Bonnici, kandidata fl-aħħar elezzjoni ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Portelli Bonnici ġabet 395 vot fl-ewwel għadd, iżda ma ġietx eletta. Apparti minn hekk ftit xhur ilu, wara l-mewt tad-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo, hija xeħtet in-nomina fl-elezzjoni każwali fl-10 Distrett, madankollu s-siġġu ta' Arrigo fil-Parlament ħadu Albert Buttigieg hekk kif ġab 2,122. Portelli Bonnici ġabet 1,512-il vot. 

Huma saħqu li f'dawn il-jiem u ġimgħat kritiċi, l-Avukati favur l-Għażla qed isejħu għall-proċess miftuħ, fejn il-Gvern jinvolvi lil dawk kollha li ilhom jipparteċipaw fid-dibattitu għal snin sħaħ filwaqt li jaħdem id f'id ma' esperti tad-drittijiet tal-bniedem u dawk li se jkunu direttament milquta b'din l-emenda. 

"L-abozz jissaħħaħ bi proċess miftuħ. Aħna lesti li nassistu u nipparteċipaw b'mod kostruttiv biex nassiguraw l-aqwa riżultat għall-persuni tqal f'Malta," temmew jgħidu l-Avukati favur l-Għażla. 

More in Politika