Il-Partit Nazzjonalista nieda dokument ta’ konsultazzjoni dwar Riforma fl-Immaniġġjar tal-Iskart, li jsejjaħ għal soluzzjonijiet prattiċi u fit-tul biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-iskart u l-indafa pubblika f’Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Pjazza tal-Balluta, ix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika Eve Borg Bonello u l-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-PN Liam Sciberras qalu li l-pjan “Innaddfu lil Malta” jindirizza l-problemi urġenti li jolqtu b’mod partikolari ż-żoni b’popolazzjoni densa u jfassal triq lejn komunitajiet aktar nodfa u sostenibbli.
“Toroq mimlija boroż tal-iskart li jikkompetu mar-residenti u jnaqqsu l-kwalità tal-ħajja” – hekk iddeskriva l-PN il-problema li kull sena terġa’ tagħti l-wiċċ fis-sajf, speċjalment f’lokalitajiet bħal San Ġiljan, Tas-Sliema u San Pawl il-Baħar.
Id-dokument jipproponi azzjoni immedjata li tinkludi żewġ miżuri ewlenin fosthom, il-kontenituri tal-iskart taħt l-art, issiġillati u ta’ kapaċità għolja, biex jitnaqqsu r-riħa u l-pests filwaqt li jitħaffef il-proċess ta’ ġbir, u kif ukoll trakkijiet speċjali għall-ġbir ta’ skart separat, li jippermettu ġbir aktar frekwenti u effiċjenti f’żoni fejn il-kontenituri taħt l-art ma jkunux fattibbli.
Fuq perjodu ta’ żmien medju, il-PN jara wkoll miżuri bħal, elettrifikazzjoni tal-flotta tal-ġbir tal-iskart, użu ta’ ilma riċiklat għat-tindif tat-toroq, u installazzjoni ta’ aktar smart bins li jgħinu fl-ottimizzazzjoni tar-rotot tat-tindif u jnaqqsu t-traffiku.
Il-pjan jenfasizza wkoll il-bżonn ta’ infurzar aktar b’saħħtu, jew permezz ta’ aġenziji nazzjonali jew b’setgħat estiżi lill-kunsilli lokali.
Fil-qalba tal-viżjoni fit-tul hemm studju komprensiv dwar il-carrying-capacity, biex kull lokalità tkun tista’ tidentifika l-ħtiġijiet tagħha u jiġu indirizzati permezz ta’ investiment infrastrutturali personalizzat.
Liam Sciberras faħħar il-proattività tal-Oppożizzjoni: “Il-PN mhux biss qed juri l-problemi, imma b’sens ta’ responsabbiltà qed joffri wkoll soluzzjonijiet reali għaċ-ċittadini.”
Min-naħa tagħha, Eve Borg Bonello qalet li l-politika għandha tkun dwar is-soluzzjoni ta’ problemi konkreti. “Meta l-Gvern ifalli sena wara sena, huwa d-dmir tal-Oppożizzjoni li toħroġ b’soluzzjonijiet reali u fattibbli. Malta għandha l-kapaċità biex issolvi din il-problema, kulma rridu huma t-tama u l-enerġija biex naġixxu.”