Kirja għal appartament iktar minn paga medja ta' xahar - Studju Dhalia/Grant Thornton

Għawdex, minkejja li jirreġistra l-inqas medja f'kirja, ra żieda fl-2022 meta mqabbel mal-2021 ta' 14.6%, żieda li tiġi biss wara dik ta' 22.4% fiż-żoni tal-Fgura, Raħal Ġdid, Ħaż Żabbar u Ħal Tarxien

Jekk il-prezz tal-proprjetà ogħla, anzi irdoppja il-kirjiet mhux wisq inqas hekk kif l-indiċi tal-kirjiet għolew minn 100 għal 160 f'disa' snin, laħqu l-ogħla livelli fl-2019 u mill-ġdid ġew viċin is-sena l-oħra. Fil-fatt matul l-2022 il-kirjiet reġgħu għolew sew wara tnaqqis konsiderevoli fl-2020 u l-2021 sforz il-pandemija, li rat mijiet jekk mhux eluf ta' ħaddiema jitilqu minn pajjiżna u lura f'pajjiżhom minħabba diversi raġunijiet. Dan joħroġ minn rapport ta' Grant Thornton u Dhalia 'The Malta Property Landscape - A true Picture.' 

Iżda apparti l-ovvju u allura li l-kirjiet żdiedu sew, dan ir-rapport juri illi f'ħafna lokalitajiet il-kirja kull xahar hija daqs paga ta' xahar għal eluf ta' ħaddiema, jekk mhux saħansitra aktar! 

Fil-fatt il-kirja medja ta' appartament b'żewġ kmamar tas-sodod f'Tas Sliema hija ta' €1,600 fix-xahar - Dan meta skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fit-tieni kwart tal-2022, il-paga medja madwar il-pajjiż kienet biss ta' €130 aktar għal €1,730 - li huwa l-ammont qabel it-taxxa. 
Dan ifisser li kirja f'Tas Sliema u San Ġiljan hija aktar minn kemm jaqla' ħaddiem f'idejh (dħul nett) kull xahar. Agħar minn hekk iżda huwa l-fatt li l-paga medja f'diversi setturi tax-xogħol huwa inqas minn hekk. Fost impjiegi elementari il-paga medja hija ta' €1,128 meta kirja ta' appartament b'żewġt kmamar tas-sodod f'ħafna żoni oħra f'Malta bħal Swieqi u Baħar iċ-Ċagħaq - bħala medja huma ta' €1,250. 

Il-paga medja ta'  machine operators u ħaddiema tal-fabbriki hija ta' €1,287 fix-xahar, €1,289 fix-xahar għal dawk li jaħdmu fl-oqsma tax-xogħol tal-idejn u snajja u medja ta' €1,215 għal ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut u servizzi. F'kull każ dan id-dħul kull xahar huwa inqas mill-kirja medja f'ħafna żoni fil-pajjiż li jfisser li għal eluf ta' ħaddiema dejjem qed jonqos iċ-ċans u l-postijiet fejn jistgħu jikru.
Il-prezz tal-kirjiet jikkalma xi ftit imbagħad meta tersaq lejn iċ-ċentru ta' Malta u anke t-tramuntana u jinżlu 'l isfel f'Għawdex, fejn ukoll kienu irreġistrati l-inqas prezzejiet tal-proprjetà bħala medja, anke jekk hawnhekk xorta jaqbżu l-€200,000 għal dar bi tliet kmamar tas-sodda. 

F'Ħal Balzan, Ħal Lija, Ħ'Attard u l-Iklin il-kirja medja għal appartament b'żewġ kmamar tas-sodda hija ta' €975 fix-xahar li tinżel għal €825 fiż-żona ta' San Pawl il-Baħar u medja ta' €850 f'Wied il-Għajn u Marsaxlokk. F'Għawdex imbagħad il-kirjiet jinżlu għal €650. 

Iżda x'inhuma x-xejriet?

Jekk il-kirjiet jidhru ħafna, iktar xokkanti huma x-xejra taż-żidiet fejn huwa ċar illi Għawdex, minkejja li jirreġistra l-inqas medja f'kirja, ra żieda fl-2022 meta mqabbel mal-2021 ta' 14.6%, żieda li tiġi biss wara dik ta' 22.4% fiż-żoni tal-Fgura, Raħal Ġdid, Ħaż Żabbar u Ħal Tarxien. 

Żieda oħra qawwija bejn is-sena l-oħra u ta' qabilha kienet fiż-żona tas-Swieqi, Tal-Ibraġġ u Baħar iċ-Ċagħaq fejn kirja medja diġà hija għolja. Hawnhekk il-kirja zdiedet bi 11.5%, kif żdiedet bi 11.3% fiż-żona ta' San Ġwann u l-Kappara.
Kirjiet medji mqabbel ma' dak li għandek bżonn biex tgħix 'diċenti' 

Studju li kien sar mill-General Workers’ Union, l-Alleanza Kontra l-Faqar u Graffiti kien juri li persuna bla tfal teħtieġ dħul ta' €14,864 fis-sena biex tgħix dicenti filwaqt li persuna waħedha b'wild wieħed teħtieġ dħul ta’ €20,099 fis-sena. Persuna waħedha b'żewġt itfal teħtieġ €26,018, koppja bla tfal €21,316, koppja b'wild wieħed €25,746 u koppja b'żewġt itfal teħtieġ €30,734. 

Dan ifisser illi jekk koppja b'żewġt itfal li t-tnejn jaħdmu fil-fabbriki u jaqbdu eżatt il-medja ta' €1,287 fix-xahar kull wieħed (skont l-NSO) dawn għandhom dħul gross ta' €30,888, li huwa eżattament dak li għandhom bżonn biex jgħixu diċenti. Jekk din il-koppja tgħix Buġibba, fejn il-kirja medja hija ta' €825 għal appartament b'żewġ kmamar tas-sodod, jew €9,900 fis-sena dan ifisser li qabel biss taqta' t-taxxa u l-bolla din il-koppja b'żewġt itfal diġà naqsilhom id-dħul għal madwar €21,000. 

Persuna waħedha li taħdem f'ħanut bħala sales person u li qed taqla' eżatt il-medja ta' €1,215 fix-xahar (skont l-NSO) għandha dħul gross ta' €14,604. Dan huwa diġà inqas minn dak li persuna għandha bżonn biex tgħix diċenti, skont l-istudju li qed nikkwotaw, aħseb u ara kemm għandha biżżejjed biex tikri, skont il-prezzijiet medji kkwotati fl-istudju Thorton/Dhalia. 

Fil-fatt kieku din il-persuna single ikollha tikri u tgħix Għawdex, tris tħallas €7,800 fis-sena kirja li huwa n-nofs id-dħul annwali, qabel biss tkun qtajt il-bolla.

 

More in Politika