'Id-dewmien fil-każ ta' Simone Grech huwa inaċċettabbli... Il-Gvern ta r-riżorsi meħtieġa lill-Qorti'

Mistoqsi fuq il-każ ta' Pelin Kaya, il-PM Abela qal li l-Qorti għandha tikkunsidra sentenzi aktar ħorox biex tipprevjeni ċertu imġieba

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li d-dewmien fil-Qrati ta' Malta, partikolarment fil-każ ta' Simone Grech "huwa inaċċettabbli." Minkejja dan, meta mistoqsi mill-ġurnalista tal-MaltaToday huwa sostna li l-Gvern ta r-riżorsi kollha lill-Qrati tagħha biex kemm jista' jkun ittaffi mil-lista ta' stennija twila fil-kawżi ta' Qorti. 

"Fuq id-dewmien għandi riservi, li ma humiex żgħar. Verdett li jingħata 18-il sena huwa dewmien totalment inaċettabbli. Wieħed irid jara x'kumplessitajiet qed iġib miegħu dan id-dewmien. Ma tistax tħalli l-familja tal-vittma jistennew il-kors u l-eżitu tal-proċess ġudizzjarju, għal 18-il sena," sostna Abela. 

Kien hawn li appella lill-Qrati ta' Malta u qal illi minkejja li jinsab ċert li dawn qed jagħmlu sforz biex kemm jista' jkun jitnaqqas id-dewmien fil-proċeduri, "irridu nkunu onesti li din hija problema endemika li ilha fil-Qrati għal għexieren ta' snin u kull sforz li sar sa llum ma ħalliex ir-riżultati meħtieġa."  

Abela elenka l-inzjattivi li ħa l-Gvern biex jindirizza din il-problema u issa "sta għall-amministrazzjoni għall-Qorti li tħaddem ir-riżorsi mogħtija." 

Fl-aħħar jiem qam furur kbir hekk kif il-ġuri ta' Simone Grech dam 18-il sena biex sar. L-akkużati fil-qtil ta' Grech, Ismael Habesh u Faical Mahouachi ma nstabux ħatja li qatlu lil Simone Grech. 

'Il-Qorti għandha tikkunsidra sentenzi aktar ħorox' 

Abela qal li huwa inaċettabbli wkoll li l-Qorti tagħti 'sentenzi żgħar għal persuni li wettqu reati kbar.' Għalhekk huwa stqarr li l-Qorti għandha tikkunsidra sentenzi aktar ħorox biex tipprevjeni imġieba agressiva u anti-soċjali. 

"Il-messaġġ tiegħi għall-Qorti huwa li tħares lejn il-policy tas-sentenzi tal-Qrati u tara jekk dawn hux qed jirriflettu ċertu imġieba fis-soċjetà." Dan qalu fid-dawl tal-każ ta' Pelin Kaya illi "ixxokkja l-pajjiż kollu." 

Huwa qal illi kien sodisfatt bil-ħidma tal-pulizija f'dan il-każ u li tressaq quddiem 'il Qorti fi żmien qasir. "Nistenna li l-Qorti twassal messaġġ dwar il-proċess tal-ħelsien mill-arrest, fuq dawk li mhumiex kapaċi jgħixu f'soċjetà u jirrispettaw il-valuri bażiċi taċ-ċittadini tagħna." 

More in Politika