Il-prezz tal-proprjetà rdoppja... u l-medja ta' appartament f'Tas-Sliema joqrob in-nofs miljun

Rapport minn Grant Thornton u Dhalia juri illi l-indiċi tal-proprjetà rdoppjaw mill-2013, u li f'Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi u Baħar iċ-Ċagħaq hemm l-aktar proprjetajiet li min qiegħed b'paga medja jista' lanqas biss iħares lejhom...

Li l-prezz tal-proprjetà għola kulħadd jaf u kulħadd qed iħossu dan, speċjalment żgħażagħ iżda rapport maħruġ mill-Kumpanija Grant Thornton u Dhalia juri illi l-indiċi tal-prezzijiet tal-proprjetà rdoppja fl-aħħar disa' snin, filwaqt li huwa ċar illi proprjetajiet f'ħafna żoni saru wisq għoljin għal min għandu paga medja u aktar u aktar għal persuni single, li wieħed jazzarda jgħid li qed jiżdiedu. Fil-fatt dan l-istudju msejjaħ 'The Malta Property Landscape - The True Picture'  juri kif bejn l-2014 u l-2022 l-indiċi telgħu minn 100 għal 200,  qabża enormi,  bil-prezzijiet jiżdiedu l-aktar fl-2017, 2018 u 2019. 

Minkejja l-pandemija, iċ-ċifri juru ċar, li din ma waqfitx lin-nies milli jbiegħu u jixtru l-proprjetà għax ħlief għal tnaqqis żgħir f'żewġ istanzi, kollox ma' kollox il-prezzijiet baqgħu telgħin. 

L-istudju li sar minn fost il-65,000 proprjetà li d-Dhalia għandha fid-database tagħha juri illi l-aktar żona fejn il-proprjetajiet huma - kif tgħid l-espressjoni - għoljin infern huma f'Tas Sliema u San Ġiljan. Hawnhekk appartament ta' tliet kmamar tas-sodod, ta' 144 metru kwadru f'daqs, kien jiswa' medja ta' €474,473 jew inkella €3,374 kull metru kwadru. Dan jirrapreżenta xejn inqas minn 9% żieda sena b'sena meta tqabbel l-2022 mal-2021 u żieda ta' 2.8% bejn l-2017 u l-2022.

It-tieni l-aktar żona għolja f'termini ta' prezzijiet  ta' proprjetà hija dik tas-Swieqi, Tal-Ibraġġ u Baħar iċ-Ċagħaq fejn il-prezz medju għal proprjetà bi tliet kmamar tas-sodda huwa ta' ftit aktar minn €382,000. Din timmarka żieda ta' 6% fuq medda ta' ħames snin u żieda qawwija ħafna ta' 17.5% fl-2022, meta mqabbel mas-sena ta' qabel.

Din iż-żona hija mbagħad segwita minn Ħal Balzan/Ħ'Attard, Ħal Lija u l-Iklin fejn il-prezz medju ta' din it-tip ta' proprjetà huwa ta' €354,448, għal €2,449 kull metru kwadru. Bejn l-2021 u l-2022 il-prezzijiet hawnhekk żdiedu b'6.2%, filwaqt li fl-aħħar ħames snin hawnhekk kien hemm żieda medja ta' 7.1%.

Wara tiġi ż-żona tal-Mellieħa u x-Xemxija fejn proprjetà ta' tliet kmamar tas-sodod tiswa' medja ta' €343,042 u liema żona esperjenzat l-uniku tnaqqis fil-prezz tal-proprjetà fl-2022, imqabbel mas-sena ta' qabel (-4%). Minkejja dan, fl-aħħar ħames snin xorta din iż-żona rat żieda ta' 6.5% fil-prezz medju ta' din it-tip ta' proprjetà. 

Iż-żona tas-Swieqi
Iż-żona tas-Swieqi

Din iż-żona hija segwita mill-qrib mill-Mosta u n-Naxxar fejn il-prezz medju huwa ta' €329,610 u fejn iż-żieda fil-prezz tal-proprjetà kienet l-aktar qawwija minn madwar il-pajjiż kollu (+19.6%). 

Skont dan ir-rapport dawk li jaqilgħu paga medja u b'mod speċjali persuni waħedhom li qed iħarsu lejn  investiment fil-proprjetà jkun jaqblilhom jibdew jikkunsidraw sewwa l-possibilità ta' proprjetà f'Għawdex hekk kif huwa f'din iż-żona fejn hemm l-inqas prezzijiet tal-proprjetà, b'medja ta' €208,204 għal appartament ta' tliet kmamar tas-sodod. 

It-tieni l-inqas huma ż-żoni tal-Fgura, Raħal Ġdid, Ħaż Żabbar u Ħal Tarxien fejn il-prezz medju ta' appartament ta' tliet kmamar tas-sodod huwa ta' €221,290.

Wieħed ta' min ifakkar illi l-miżura tad-Deposit Payment Scheme - li permezz tagħha jiġi mgħejjuna persuni li ma jkunux jistgħu jħallsu l-10% depożitu biex jixtru proprjetà qed tapplika għal dawk li jixtru proprjetà b'valur massimu ta' €225,000, minflok il-€175,000 kif kienet sas-sena l-oħra. Intant il-Gvern ħabbar ukoll li il-Gvern ser jagħti għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ għaxar snin lil kull first-time buyer li jakkwista proprjetà ta’ valur li ma jaqbiżx il-€500,000

Intant dan ir-rapport jagħti ħarsa wkoll lejn in-numru ta' kuntratti li saru sena b'sena, li mill-ġdid juru żieda qawwija. Fil-fatt l-2021 u l-2022 kienu l-aktar snin, fl-aħħar disa' snin, illi matulhom ġew iffirmati kuntratti għal proprjetà, b'€1.5 biljun fl-ewwel tliet kwarti tal-2021 għal €2.3 biljun fl-istess perjodu ta' żmien. Fl-ewwel tliet kwarti tas-sena 2022 (Jannar sa Settembru) kienu saru b'kollox 10,552 kuntratt. Dawn is-sentejn kienu jsegwu l-2020 li rat tnaqqis konsiderevoli fil-kuntratti li saru, b'rabta mal-pandemija.

 

More in Politika