'Kruċjali li d-dibattitu jikkonsisti f’informazzjoni oġġettiva u xjentifikament preċiża' - Voice for Choice

Il-koalizzjoni appellaw lill-PM Robert Abela biex iżomm ħaj l-ispirtu tal-emenda li tipproteġi lin-nisa, bniet u nies tqal f’periklu gravi...

Il-Koalizzjoni Voice for Choice qed tenfasizza l-ħtieġa għal fatti xjentifikament preċiżi u oġġettivi, hekk kif qalu li ħarġu rapporti li jissuġġerixxu li kien hemm "dikjarazzjonijiet kompletament mhux preċiżi waqt id-dibattitu nazzjonali li għaddej dwar l-abort."

Huma nnutaw kif dikjarazzjoni riċenti fil-Qorti sostniet li hemm "rata ta' sopravivenza ta' 79.2%" tal-fetu meta l-ilma tal-mara jinfaqa' qabel l-20 ġimgħa. Madankollu saħqu li verifika li saret minn ġurnal lokali juri illi din hija stqarrija falza. 

"Studju wieħed biss issuġġerixxa sopravivenza ta' 79.2% u dan ma kienx applikabbli għal tqala ta' 15-il ġimgħa - li huwa ż-żmien meta Andrea Prudente bdiet tkorri."

Il-koalizzjoni sostniet li huwa wkoll pertinenti li wieħed jinnota li l-grupp Doctors for Life, tenna fi istqarrija li l-studji jissuġġerixxu li każijiet bħal ta' Andrea Prudente kellhom "kważi 80% ċans ta' sopravivenza f'ċirkostanzi bħal dawn."

"Intennu li huwa kruċjali li dan id-dibattitu jikkonsisti f’informazzjoni oġġettiva, xjentifikament preċiża u kkontrollata bil-fatti. Il-pubbliku jixraqlu fatti ċari, mhux informazzjoni qarrieqa. In-naħat kollha tad-dibattitu għandhom id-dmir li jippreżentaw fatti ċari u imparzjali, u huwa inkwetanti jekk xi wħud iħossu l-ħtieġa li jqarrqu lil ħaddieħor," kompliet tgħid l-istqarrija.

Huma reġgħu sostnew li l-emenda li qed iressaq il-Gvern hija essenzjali biex jiġu ssalvagwardjati n-nisa, bniet u persuni li jistgħu joħorġu tqal,"minkejja li tippermetti aborti biss fil-każ rari meta jkun hemm kumplikazzjonijiet tat-tqala li jpoġġu s-saħħa tal-persuna f’periklu gravi u jekk il-fetu ma jkunx fi stadju fejn jista’ jgħix barra l-ġuf."

Il-Koalizzjoni temmew jappellaw lill-PM Robert Abela biex iżomm ħaj l-ispirtu tal-emenda li tipproteġi lin-nisa, bniet u nies tqal f’periklu gravi, "mingħajr ebda dewmien, u li jkun trasparenti bl-emendi proposti u jipprovdihom kemm jista’ jkun malajr."

L-għaqdiet ta’ Voice for Choice jinkludu Young Progressive Beings, Women’s Rights Foundation, Moviment Graffitti, Doctors for Choice, Lawyers for Choice, Integra, Aditus, Men Against Violence, Parents for Choice u Malta Humanists Association.

 

More in Politika