Malta se tibgħat 20 generator industrijali u tagħmir mediku lejn l-Ukrajna

Fil-jiem li ġejjin din l-għajnuna, b’valur ta’ aktar minn €370,000, tibda triqitha lejn l-Ukrajna...

Il-PM Abela u l_Ministru Camilleri jsegwu l-aħħar preparamenti
Il-PM Abela u l_Ministru Camilleri jsegwu l-aħħar preparamenti

Il-Gvern Malti se jkun qed jibgħat 20 generator industrijali flimkien ma’ tagħmir mediku lill-Ukrajna, bħala għajnuna umanitarja fl-isfond tal-gwerra li qed jgħix il-poplu Ukren. Dan permezz tal-mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili, li permezz tiegħu pajjiżna qed joffri għajnuna umanitarja b’urġenza.

Fi żjara mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurta, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri li għamlu fil-kwartieri tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far, setgħu jsegwu l-aħħar preparamenti sabiex fil-jiem li ġejjin din l-għajnuna, b’valur ta’ aktar minn €370,000, tibda triqitha lejn l-Ukrajna.

Abela qal li Malta se tibqa’ tibgħat sinjal ċar ta’ appoġġ u turi solidarjetà mal-poplu Ukren f’dan iż-żmien diffiċli. Bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, Malta se tkompli titkellem favur il-paċi u t-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.

Min-naħa tiegħu, Camilleri qal li b’din l-għajnuna d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jerġa’ jikkonferma l-irwol importanti tiegħu, li mhux biss jassisti u jsalva persuni f’pajjiżna, iżda wkoll jikkordina għajnuna tal-Gvern Malti lil poplu ieħor fi bżonn l-assistenza.

Il-generators ġew iffinanzjati mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz, Għawdex. Dan filwaqt li t-tagħmir mediku ġie ffinanzjat mill-Ministeru għas-Saħħa.

 

More in Politika