Tħawwlu kważi 37,000 siġra f'aktar minn 54 lokalità bħala parti mill-miri tal-UE ta' tliet biljun siġra sal-2030

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif is-siġar li diversi entitajiet tal-gvern qed iħawlu bħala parti minn din l-inizjattiva ambjentali Ewropea se jiġu rreġistrati f’MapMyTree

Il-Ministru Miriam Dalli waqt it-tħawwil
Il-Ministru Miriam Dalli waqt it-tħawwil

Il-Gvern ħawwel 35,600 siġra u arbuxell f’diversi ġonna u siti naturali f’aktar minn 54 lokalità f’Malta u Għawdex fl-2022. Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet dan waqt li kienet qed tħabbar kif dawn is-siġar ser ikunu fost l-ewwel kontribuzzjonijiet ta’ Malta għall-mira tal-Unjoni Ewropea li l-Ewropa tħawwel tliet biljun siġra sal-2030.

Waqt tħawwil ta’ siġar fil-Park tal-Majjistral, il-Ministru spjegat kif is-siġar li diversi entitajiet tal-gvern qed iħawlu bħala parti minn din l-inizjattiva ambjentali Ewropea se jiġu rreġistrati f’MapMyTree, l-applikazzjoni onlajn (website app) li nediet il-Kummissjoni Ewropea stess, u li f’Malta qed tiġi kkordinata minn Ambjent Malta.

Din l-applikazzjoni, li tinsab fis-sit mapmytree.eea.europa.eu, hija miftuħa għal kulħadd, mhux biss għall-entitajiet governattivi. Individwi, negozji u organizzazzjonijiet li jħawlu siġar indiġeni bl-għan li jsaħħu l-bijodiversità ta’ pajjiżna u jnaqqsu l-impatti tal-emerġenza fil-klima jistgħu jirreġistrawhom biex jikkontribwixxu għall-mira Ewropea ta’ tliet biljun siġra fit-tmien snin li ġejjin.

Il-Ministru Dalli rringrazzjat lill-entitajiet governattivi, għaqdiet volontarji u negozji li sena wara l-oħra qed iħawlu ħafna siġar u arbuxelli madwar Malta u Għawdex.

“Lil hinn mis-sehem ta’ pajjiż żgħir bħal tagħna fil-miri Ewropej tal-afforestazzjoni, l-eluf ta’ siġar li qed inħawlu huma importanti sabiex inkomplu nseddqu l-ambjent naturali ta’ pajjiżna. Jiffurmaw ukoll parti mill-pjan fit-tul li noħolqu aktar spazji miftuħa fejn il-familji jistgħu jistrieħu u jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar qrib in-natura. MapMyTree hija għodda oħra li qed tgħinna biex flimkien inwettqu dan il-pjan ambjentali,” qalet il-Ministru Dalli.

7,500 siġra indiġena minn Project Green

Il-Ministru fakkret ukoll li l-Ministeru għadu kif waqqaf l-aġenzija Project Green sabiex tiffoka u tixpruna t-twettiq ta’ dan il-pjan tal-gvern li f’seba’ snin jinvesti €700 miljun fil-ħolqien ta’ spazji ħodor miftuħa f’kull lokalità. Fost l-ewwel proġetti tagħha, fl-2023 Project Green ser tħawwel mas-7,500 siġra indiġena, li ser jiġu ffinanzjati mis-settur privat bħala parti mill-impenn tagħhom lejn il-prinċipji tal-ESG.

L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet il-mira ta’ tliet biljun siġra sal-2030 bħala parti mill-European Green Deal, il-pjan ambjentali li se jgħin l-Ewropa tikseb is-sostenibilità u r-reżiljenza ambjentali meħtieġa b’reazzjoni għall-impatti tal-pandemija tas-sena 2020.  Din il-mira tifforma wkoll parti milI-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità 2030.

Josianne Muscat, Direttur fi ħdan Ambjent Malta, spjegat li filwaqt li tkejjel il-progress Ewropew lejn din il-mira, l-applikazzjoni MapMyTree qed tgħin ukoll biex tqajjem kuxjenza pubblika dwar l-importanza tal-afforestazzjoni u l-ħarsien ambjentali f’pajjiżna.

Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta Herman Galea, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent Kevin Mercieca u d-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard.

More in Politika