Il-lukanda Paradise Bay investiet €200,000 f’soluzzjonijiet ta’ smart solar energy sabiex tipproduċi l-misħun li tuża fl-operat tagħha, bil-produzzjoni ta’ 11,000 litru ta' ilma sanitarju bħala ħażna tal-enerġija. Dan is-solar plant se jikontribwixxi sa kważi 70% tal-enerġija li għandha bżonn il-lukanda, fejn se tkun qed tiffranka madwar €60,000 fi spejjez tal-enerġija fis-sena, tant li fi żmien tlett snin u nofs se tkun qed tkopru l-ispiża ta’ dan l-investiment. B’dan il-proġett, Paradise Bay qed tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tagħha b’220 tunellata fis-sena.
Il-kumpanija investiet ukoll f’installazzjoni tat-trattament tad-drenaġġ bħala miżura ta’ immaniġġjar sostenibbli tal-ilma. Permezz ta’ dan il-proġett ta’ trattament u rkupru ta’ greywater, il-kumpanija qed tara li tirkupra 100% tal-ilma li tuża, bi gwadann fuq l-investiment għoli, li se jkopri l-ispiża tal-istess proġett fi tnax-il xahar.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli enfasizzat il-benefiċċji ta' appoġġ li qed jagħti l-Gvern lin-negozji waqt żjara ġewwa l-lukanda Paradise Bay, waħda minn ħafna kumpaniji li qed jibbenefikaw minn iskemi biex iżidu l-effiċjenza fl-enerġija u l-ilma, filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet.
Permezz tal-iskemi Investment Aid for Energy Efficiency Projects u Smart and Sustainable Scheme, f’sena waħda, Malta Enterprise ħarġet madwar nofs miljun ewro f’assistenza. Fl-istess waqt, l-EWA qed tikkontribwixxi billi toffri energy audits lill-kumpaniji, sabiex tiggwidahom dwar kif jistgħu joperaw b’mod iżjed effiċjenti.
Il-Ministru Dalli laqgħet l-inizjattivi sostenibbli li qed isiru minn negozji Maltin f’setturi varji, inkluż dak tal-ospitalità.
“Bla dubju s-settur tal-ospitalità huwa fost l-aktar setturi li ntlaqtu matul il-pandemija. Permezz tal-Wage Supplement, l-estensjoni tagħha u l-appoġġ li ngħata fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma, il-Gvern kompla jgħin lil dawn il-kumpaniji jimxu ‘l quddiem. Fl-istess waqt, ħabbarna miżuri biex inħeġġu l-investiment f’operat sostenibbli sabiex isiru iżjed effiċjenti u jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom,” temmet il-Ministru Dalli.
"Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-komunità tan-negozji qed tagħti importanza l-effiċjenza fl-enerġija u s-sostenibbiltà. Għalhekk aħna kburin li qed nassistu lil dawn il-kumpaniji u li s-sostenibbiltà qed tkun ta’ prijorità għalihom fl-operat tagħhom,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.
Kmieni dan ix-xahar, il-Ministeru għall-Enerġija nieda kampanja nazzjonali ta’ informazzjoni favur l-użu effiċjenti tal-enerġija fis-settur privat “Be Efficient. Save Energy!”. B’din l-inizjattiva, il-Gvern qed jikkollabora ma disa’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-setturi ekonomiċi f’pajjiżna biex iħeġġu lin-negozji jaddottaw prattiċi u teknoloġiji li jżidu l-effiċjenza tal-enerġija fl-operat tagħhom.