B'2.2 miljun turist sa Novembru l-2022 turi rkupru qawwi... 400,000 biss 'il bogħod mill-2019

Iċ-ċifri bejn Jannar u Novembru 2022 juru illi t-turiżmu beda jikrupra sew s-sena l-oħra u qed iqarreb lejn iċ-ċifri tal-2019, meqjusa sena rekord...

Il-pandemija kellha effetti devastanti fuq it-turiżmu iżda ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru illi bejn Jannar u Novembru tal-2022 in-numru ta' turisti ġew pjuttost qrib dak tal-2019 li kienet meqjusa bħala sena rekord fit-turiżmu. Fil-fatt l-istess ċifri juru illi matul dan il-perjodu ta' 11-il xahar fl-2022 kienu ġew ftit inqas minn  2.2 miljun turist, meta fl-2019 ġew pajjiżna ftit aktar minn 2.6 miljun  - differenza ta' madwar 400,000. 

L-istess ċifri juru l-kobor tal-impatt tal-pandemija hekk kif fl-2020 kienu ġew pajjiżna 645,626 turist biss fi 11-il xahar filwaqt li fl-2021 kienu ġew pajjiżna 892,398 turist.

Minn dawk li ġew pajjiżna bejn Jannar u Novembru tas-sena l-oħra 1.4 miljun turist qagħdu f'lukanda filwaqt li l-kumplament qagħdu f'akkomodazzjoni oħra. 

L-akbar tliet iswieq għal pajjiżna kienu ir-Renju Unit minn fejn ġew 402,285 turist, l-Italja minn fejn ġew 376,054 turist u Franza minn fejn ġew 245,411-il turist. Naturalment dawn is-swieq jirrapreżentaw l-ogħla nefqa wkoll hekk kif l-Ingliżi nefqu €399.4 miljun matul dawn ix-xhur, it-Taljani nefqu €237.1 miljun filwaqt li l-Franċiżi nefqu €212.8 miljun.  

More in Politika