Minn pandemija li sakkritna, gwerra li salbitna u lista li setgħet kissritna: Tliet snin ta' Robert

Għaddew tliet snin minn meta Robert Abela, kontra dak mistenni, għamel rebħa kbira fil-PL u sar Mexxej Laburista u Prim Ministru. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn dawn it-tliet snin ta' sfidi ma jiqfux... 

Din il-ġimgħa Robert Abela għalaq tliet snin fil-quċċata tal-Partit Laburista bħala Mexxej u tliet snin fil-kariga ta' Prim Ministru.  

Bla dubju illi qabel inqalgħu l-problemi kollha li setgħu jinqalgħu u li ftit kienu mqar jimmaġinaw li se jinqalgħu, diġà kellu lista twila ta' sfidi x'jiffaċċja. Biss meta faqqgħet il-pandemija ftit xhur biss wara li kien ħa t-tmexxija tal-pajjiż u gwerra fl-Ukrajna, bl-Unjoni Ewropea tidħol fiha bir-ras, żdiedu l-intensità u d-diffikultà tal-isfidi li Abela kellu jiffaċċja.  

F'dan l-ispazju l-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lejn l-akbar sfidi li kellu jiffaċċja Robert Abela f'dawn it-tliet snin u allura sfidi li awtomatikament kellu jiffaċċja l-pajjiż ukoll.  

Governanza  - L-ewwel sfida ta' Abela 

L-ewwel sfida kbira li kellu jiffaċċja Abela tliet snin ilu kienet dik tal-governanza hekk kif il-Partit Laburista kien qed jiffaċċja kriżi kbira, mhux biss minħabba elenku ta' riżenji, l-aktar notevoli tal-eks PM Joseph Muscat, imma wkoll minħabba l-episodji kollha li wasslu propju għal dawk ir-riżenji.  

Il-pajjiż kien maħkum minn tensjoni politika kbira u protesti hekk kif kien arrestat Yorgen Fenech b'rabta mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia li pponta subgħajh lejn Keith Schembri bħala l-mandant fil-qtil, Chris Cardona kien interrogat kif kien ukoll Konrad Mizzi. Dan kollu ġie wara l-każ tal-Kumpaniji fil-Panama ta' Schembri u Mizzi u l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia li tefa' dell ikrah ħafna fuq il-pajjiż u fuq numru ta' nies fil-Gvern.  

Muscat, Cardona, Mizzi u Schembri - ilkoll meqjusin bħala kruċjali għat-tmexxija tal-pajjiż u tal-PL - irreżenjaw u tela' fil-poter Abela.  

L-isfida kienet immedjata: Tindif ta' isem pajjiżna, wara li Malta xxandret mal-erbat irjieħ għal raġunijiet xejn sbieħ: Qtil ta' kritiku voċiferu tal-Gvern u akkużi ta' korruzzjoni. Rapport mill-Kummissjoni Venezja mdendel fuq rasna, kif kien it-test imminenti tal-Moneyval u eventwalment tal-FATF.  

Irnexxielu imma?  

Abela mexxa 'il quddiem elenku ta' riformi - speċjalment fuq il-Ħatra tal-Ġudikatura, diversi karigi issa bdew jinħatru biż-żewġ terzi tal-Parlament - inkluż il-President tar-Repubblika, l-Ombudsman u l-Kummissarju tal-Istandards - filwaqt li aktar tard il-Gvern kien ħabbar riforma li titratta l-midja, iżda li kellha tmur lura fuq il-mejda wara akkużi ta' nuqqas ta' konsultazzjoni.  

Il-Gvern ta' Abela biddel il-mod kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, anke jekk il-kritika xorta ssir li finalment huwa l-Gvern li xorta għad għandu ċerta saħħa fl-għażla, anke jekk l-għarbiel żdied.  

Abela wkoll ikkalma l-ilmijiet politiċi f'dawn l-aħħar tliet snin u minkejja li ma hemm ebda romantiċiżmu politiku bejn il-Gvern u l-għaqda Repubblika jew il-familja Caruana Galizia, xorta twaqqfu l-episodji ta' tneħħija (jew tindif) tal-mafkar ta' Daphne, filwaqt li t-temperatura politika nnormalizzat sew. Fil-fatt kienet bdiet tinnormalizza mill-ewwel fl-2020 u kompliet tikkalma meta Abela ltaqa' mal-familja tal-ġurnalista assassinata. 

Illum wieħed kważi jista' jgħid illi - tliet snin wara - qed ngħixu "normalità" politika fejn l-interess fil-politika qiegħed f'livelli baxxi ħafna (kif suppost ikun matul leġiżlatura) filwaqt illi d-dibattitu qed jiċċentra dejjem aktar fuq is-sustanza politika, il-liġijiet u l-bidliet proposti, aktar milli fuq il-persuni li qed imexxu u allegazzjonijiet serjissimi marbutin magħhom.  

B'hekk wieħed jista' jgħid ukoll illi minkejja nuqqasijiet ovvji u ċari li għad hemm fis-sistema u minkejja akkużi lejn il-Gvern, mill-PN, li huwa anti-demokratiku "għax ma jikkonsultax" jew "għax ma jismax", l-aġenda llum qegħda ħafna iktar f'idejn il-Gvern. Dan issa jista' jressaq l-aġenda leġiżlattiva tiegħu għad-diskussjoni u t-twettiq mingħajr il-biża' kontinwa li kellu l-PL bejn l-2015 u l-2019, illi minn wara l-kantuniera se tfeġġ xi biċċa informazzjoni ġdida dwar il-kumpaniji fil-Panama, Yorgen Fenech, l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia jew il-kuntratt mal-VGH li se timbarazza bil-kbir lill-Gvern  jew lil Ministru sedenti (li jinsab fil-Kabinett bħalissa) u bħala konsegwenza l-aġenda soċjali u politika tal-Gvern tintefa' taħt id-dellijiet ta' dawn l-istejjer.   

Il-Gvern ukoll rriforma, biddel jew emenda diversi liġijiet oħrajn, ħafna drabi mhux bi ftit kontroversja - fosthom dik li titratta l-Femiċidju, il-Liġi tal-Kannabis, l-estensjoni tas-servizzi tal-IVF u bħalissa l-emenda li titratta tqala li tista' tkun ta' "periklu gravi għal ħajjet jew saħħet l-omm." 

Malli tela' Abela kien neħħa mill-kariga lil diversi nies li kellhom dellijiet fuqhom,  fosthom lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Fl-aħħar reshuffle rajna lil Abela jħalli barra lil nies li mill-ġdid kienu f'kontroversja, primarjament lil Rosianne Cutajar, Carmelo Abela u anke Edward Zammit Lewis.  

FATF: Daqqa ta' ponn li evitajna l-effetti tagħha 

Minkejja l-ħidma ta' Abela u l-Gvern li jmexxi biex jirrestawra r-reputazzjoni tal-pajjiż, joħloq klima politika kalma u jneħħi nies li  b'xi mod jew ieħor kienu marbutin ma' kontroversji - id-dawl li intefa' fuq Malta kien impossibbli li jħassru għal kollox. U bħala konsegwenza - jew għallinqas parzjalment bħala konsegwenza - Malta falliet it-test tal-FATF u kienet l-uniku pajjiż fl-UE fil-Lista l-Griża. Dan anke jekk pajjiżna kien għadda mit-test tal-Moneyval u allura wieħed kien kważi jistenna li l-vot fl-FATF kien se jkun formalità.  

Din kienet sfida kbira u serja ħafna, kemm ekonomikament imma wkoll politikament.  

Diversi aġenziji ta' kreditu nnutaw ir-riskji kbar li dan il-pass mill-FATF - wara vot kontra Malta mill-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti - jista' jkollu, imma dejjem sostnew li l-effetti ta' din id-deċiżjoni kienu għadhom ma bdewx jinħassu on the ground. Il-probabbilità kienet illi ħafna kumpaniji adottaw attitudni ta' 'nistennew u naraw' bit-tama li fl-ewwel opportunità pajjiżna jgħaddi mit-test, hekk kif mill-FATF mill-ewwel bdew jidhru indikazzjonijiet li l-Gvern ta' Abela kien ħa bis-serjetà neċessarja dak li kellu bżonn isir.  

Wara kollox kien sors mill-Gvern stess li mal-ILLUM kien iddeskriva dan bħala l-effett ta' Malta f'din il-lista: “Ikun ifisser theddida għall-impjiegi u n-negozji."  

U fil-fatt Malta daħlet fil-Lista l-Griża u sena wara tneħħiet minn din il-lista mingħajr ma kien hemm ċans li jintilfu impjiegi jew ikun hemm l-effetti detrimentali li ħafna titubar seta' jkollu fuq l-ekonomija Maltija. Meta Malta tneħħiet mil-lista b'rikonoxximent ukoll tax-xogħol tajjeb li kien sar, kienet qed tevita diżastru ekonomiku li kien iseħħ, kieku tħalliet fil-Lista l-Griża.  

Definittivament li kien mertu tal-Gvern ta' Abela li fuq dan il-front sar ix-xogħol meħtieġ.  

Covid-19: Għal kull pass kien hemm kor ta' kritika. Imma għadda mit-test il-Gvern ta' Abela? 

Pero' jekk kien hemm xi ħaġa li ħadd, lanqas fl-aktar immaġinazzjoni fertili tiegħu jew tagħha qatt ma seta' jimmaġina, kienet il-pandemija u l-effetti kollha tagħha.  

Lanqas qatt ma stajna nimmaġinaw u naraw xenarju - jekk mhux f'xi film tal-fantaxjenza -  ta' ajruport magħluq, in-negozji kollha magħluqa, toroq vojta u l-ftit nies li jkun hemm barra kollha bil-maskra.  

Il-pandemija tefgħet lid-dinja f'allert totali, biża' u paniku li raw lill-ekonomiji jitkaxkru mat-trab tal-art, l-inċertezza tilħaq livelli astronomiċi, l-ivjaġġar jieqaf, l-isptarijiet jimtlew, problemi ta' saħħa mentali jisplodu 'l fuq, negozji jiġġammjaw u fuq kollox, għal dan kollu l-ebda Gvern ma kellu pjan għax kienet xi ħaġa bla preċedent għal dawk kollha li jeżistu fid-dinja bħalissa.  

U Abela u l-Gvern tiegħu kif mexxew?  

Il-kritika li qala' Abela fuq il-Covid-19 

Il-Gvern żamm aktar kawtela fejn jidħol il-bżonn  li jingħalaq kollox - il-famuż lockdown. Naturalment fil-ġenn u l-paniku li kien qed jiddomina l-għajtiet għal lockdown u għall-għeluq tal-ajruport żdiedu, ħraxu u waslu għall-kritika lejn il-Gvern li kien qed idum u fil-proċess jirriskja li jinxtered aktar il-virus. Il-Gvern ta' Abela kien ikkritikat bil-qawwi hekk kif il-pajjiż kien reġa' infetaħ għat-turiżmu u grupp ta' studenti tal-Ingliż li ma kinux ħadu l-vaċċin reġgħu prattikament tefgħuna lura sena, meta bħala pajjiż konna ilħaqna waħda mill-ogħla rati ta' vaċċinazzjoni fid-dinja.  

Din ma kinitx l-ewwel mewġa tat-tip tagħha hekk kif kien hemm diversi attivitajiet - fosthom party f'lukanda f'San Ġiljan - li wkoll kienu wasslu għal żieda fil-każi, meta dawn kienu naqsu wara xhur illi matulhom kulħadd kien prattikament maqful id-dar.  

Il-kritika naturalment kienet ġejja minn kullimkien: Min igerger għax irid lockdown, min igerger għax irid li l-Gvern jiftaħ in-negozji, tal-festi jgergru għax il-Gvern kien fetaħ attivitajiet oħrajn u ma tax il-kunsens tiegħu biex jibdew il-festi, tal-Clubs jisħqu li l-Gvern se joqtolhom bil-ġuħ... Kor ta' ilmenti u tgergir, uħud ġustifikati u oħrajn inqas.  

Pero' mbagħad qam l-hekk imsejjaħ Moviment ta' Kontra l-Vaċċin jew għallinqas l-impożizzjoni tiegħu fuq kulħadd, speċjalment meta l-Gvern (bħalma għamlu xi Gvernijiet oħrajn madwar l-ewropa) kien iddikjara li biex tidħol f'ristoranti jew stabbilimenti ta' divertiment irid ikollok ċertifikat validu tal-vaċċin, li jkun fih l-ewwel doża u anke l-Booster.  

Dan wassal għal protesti u anke reżistenza u kritika lejn il-Gvern, liema kritika anke Abela rrikonoxxa li kienet qed issir u li kienet qed tqajjem irwiefen kontra l-Gvern li jmexxi! 

L-akbar kritika lejn Robert Abela kienet direzzjonata lejn stqarrija pjuttost ażżardata tiegħu biex il-poplu igawdi s-sajf u li l-mewġ metaforiku tal-virus ma kienx jeżisti, għax "il-mewġ fil-baħar qiegħed."  

Malli n-numri reġgħu żdiedu din l-istqarrija ażżardata infaqgħet f'wiċċ Abela u ntużat kontinwament biex l-avversarji jsawwtuh speċjalment meta n-numru tal-każi ta' kuljum kien qed jiżdied b'rata pjuttost allarmanti (mijiet jew eluf ta' każi kuljum).  

Il-preġji ta' Abela fuq il-Covid-19... 

Minkejja dan kollu l-preġji tal-Gvern ta' Abela ma kinux ftit, tant li probabbilment il-pandemija kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin li waslu biex il-Gvern u Robert Abela baqgħu daqstant popolari.  

Nibdew bil-fatt diġa' msemmi illi Malta kienet fost l-aqwa pajjiżi fid-dinja f'dak li jirrigwarda vaċċin mogħti ras għal ras. Dan juri illi l-Gvern kien ippreparat, kellu l-kunsinni meħtieġa u kif setgħu jaraw ħafna nies kien organizzat fil-proċess ta' għoti ta' vaċċin.  

It-tieni preġju, bla dubju, kien dak ekonomiku. Il-Gvern ħabbar numru ta' Mini-Baġits li fihom ħabbar elenku ta' miżuri, fosthom l-aktar waħda li swiet flus u l-aktar waħda li kienet mfaħħra kemm mill-ħaddiema u anke minn dawk li jħaddmu: Il-Wage Supplement. Huwa ġeneralment aċċettat li l-ħlas ta' parti mil-paga għal eluf kbar ta' ħaddiema f'diversi setturi speċjalment is-servizzi, evita qgħad tal-massa hekk kif negozji magħluqin u bla dħul qajla setgħu jħallsu pagi.  

Dan apparti ħlas tal-kirjiet, moratorji fuq is-self, tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għan-negozji u l-famużi vouchers tal-€100 li ħarġu darbtejn u li ħafna negozji speċjalment fil-bejgħ bl-imnut u t-turiżmu jirrikonoxxu illi kienu kruċjali biex jitqajjem il-kummerċ u l-konsum, fi żmien fejn dawn ħadu daqqa liema bħalha. 

Kollox ma' kollox, anke l-proċess ta rkupru ekonomiku kien wieħed pjuttost tajjeb, speċjalment fil-qasam turistiku li qed jara n-numri resqin b'mod pjuttost spedit lejn dawk tal-2019.  

Gwerra kien jonqos! 

U jekk il-pandemija kienet uġigħ ta' ras, ħadd ma stenna li fil-mument illi pajjiżna - bħad-dinja - kien qed jirkupra sew mid-daqqa tal-pandemija se tqum gwerra wara bieb l-UE, li l-UE se tkun qed tidħlilha bil-kbir u li se timpatta bil-qawwi l-provvista tal-ikel u l-enerġija u allura l-prezzijiet ta' dawn. Dan flimkien ma' prezzijiet tal-qmuħ u l-ġwież li kienu diġà qed jogħlew u l-prezz ta' trasportazzjoni, li minnu pajjiż bħal tagħna tant jiddependi.  

L-inflazzjoni laħqet livelli rekord tant li l-Gvern ma kellux wisq għażla ħlief li jerġa' jippompja l-miljuni, ma' dawk li kien diġà ppompja waqt il-pandemija. Fil-fatt il-Gvern  ħareġ €600 miljun is-sena l-oħra u se jerġa' joħroġhom din is-sena (total ta' €1.2 biljun) biex jagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz tal-enerġija biex b'hekk ma jogħlewx il-kontijiet.  

Dan huwa pass li - bħal dak tal-Wage Supplement - intlaqa' tajjeb ħafna, speċjalment mill-unjins, hekk kif qed jilqa' għal żieda konsiderevoli propju fil-mument li l-ekonomija kienet bdiet tistejqer.  

Iktar minn hekk iżda, għolew ħafna wkoll il-prezzijiet ta' prodotti tal-ikel: Mill-ħobż sat-tiġieġ, sal-laħam li fil-fatt għola ħafna. Dan wassal biex kien hemm mewġa ta' żidiet fi prattikament kollox, minn servizzi ta' sbuħija, sa qata' xagħar, sa membership f'xi gym, sal-prezzijiet ta' oġġetti tad-dar, kollox bl-iskuża ta' "kollox qed jogħla."  

Din l-isfida kienet u għadha xi ftit ta' uġigħ ta' ras hekk kif inflazzjoni għolja għal tul ta' żmien tista' twassal biex jitnaqqar aktar id-dħul disponibbli tal-ħaddiema, il-familji u l-pensjonanti u b'konsegwenza li r-rota ekonomika ddur ħafna iktar bil-mod. Dan apparti li n-nies li huma fix-xifer tal-faqar, litteralment jidħlu fil-periklu li jispiċċaw materjalment deprivati u allura neqsin minn dak li huwa saħansitra bażiku.  

L-isfida tal-Bejgħ tal-Passaporti  

U la qed nitkellmu fuq il-flus ma nistgħux ma nsemmux illi f'dawn it-tliet snin il-Gvern ta' Abela kellu jibda jiffaċċja l-eqqel sfida li tirrigwarda l-bejgħ tal-passaporti u li jfisser miljuni fi flus għall-pajjiż li jistgħu jintilfu. Rapport fuq The Times fil-fatt kien indika li l-Gvern diġà qed jesplora setturi u inizzjattivi differenti biex jagħmel tajjeb għal nuqqas fi dħul jekk il-programm ta' ċittadinanza jkollu jingħata l-ġenb.  

Nhar id-29 ta Settembru 2022 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-iskema taċ-ċittadinanza b'investiment tagħha. Il-Kummissjoni fakkret illi tqis li l-għoti taċ-ċittadinanza tal-UE bħala kumpens għal pagamenti jew investimenti predeterminati "mingħajr ebda rabta ġenwina mal-Istat Membru kkonċernat mhuwiex kompatibbli mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali."  

Il-Gvern qed jisħaq li se jiġġieled l-argument tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea u li se jaċċetta l-verdett.  

L-isfida politika fi ħdan il-Partit Laburista stess 

U finalment dawn it-tliet snin offrew sfida kbira lil Robert Abela biex jafferma l-awtorità tiegħu fuq il-Partit Laburista stess.  

Abela ma ħariġx minn vakuum. Ġie wara Mexxej Laburista li kien maħbub ħafna u li t-tluq tiegħu mill-kariga u ċ-ċirkostanzi li wasslu għal din ir-riżenja kienu meqjusin bħala xi ħaġa li weġġgħet, irrabjat u dejqet ħafna lill-għeruq tal-partit.  

Għalhekk Abela kellu ħafna vojt x'jimla' u naturalment il-fatt li minn meta kien elett sal-ewwel opportunità ta' elezzjoni kien hemm sentejn, dan kien ifisser illi mingħajr mandat ma setax jafferma l-awtorità tiegħu.  

Irnexxielu?  

Ir-riżultat elettorali tal-aħħar elezzjoni wera' li Abela - tħobbu jew tobgħodu - mhux avversarju politiku li għandu jkun issottovalutat. Minkejja kull tbassir il-kontra, mhux talli l-Partit Laburista taħt Abela ma naqqasx id-distakk - minkejja leġiżlatura mqallba - talli żied id-distakk biex dik tal-2022 kienet l-akbar rebħa li qatt kiseb partit politiku mill-Indipendenza lil hawn.  

B'maġġoranza ta' 39,500 vot Abela rrijaferma l-awtorità tiegħu fuq il-partit u l-Gvern, rebaħ l-isfida li jaqbeż lill-predeċessur fid-daqs tar-rebħa u qatel kull tip ta' dubji jew imminar li seta' kien hemm lejn l-awtorità tiegħu bħala mexxej. 

B'Oppożizzjoni li ma tantx jidher li qed taqbad art u Kap tal-PN li jibqa' lura ħafna f'termini ta' fiduċja, sondaġġ wara ieħor, Robert Abela ma tantx għandu avversarju qawwi x'jiffaċċja għaż-żmien li ġej.  

More in Politika