L-ewwel xhur tal-2023: L-abort, l-għoli tal-ħajja, dix-xitwa donnha sajf u l-gwerra fl-Ukrajna se jiddominaw

Lejn liema xenarji politiċi qed inħarsu f'dawn l-ewwel xhur tal-2023? X'inhuma r-realtajiet li se niffaċċjaw u li se tiffaċċja l-klassi politika? U t-temp - sabiħ kemm trid, imma xi prezz se nħallsu? L-ILLUM tagħti ħarsa... 

Il-gazzetta ILLUM qabdet ma' numru ta' kwistjonijiet li propju qed nistennew li jiġu tratti din is-sena u li wħud minnhom se jagħmlulek differenza. Nibdew mill-emenda dwar l-abort u d-deċiżjoni tal-President tar-Repubblika u l-implikazzjonijiet tagħha. Inkomplu billi nagħtu ħarsa lejn kif sena suppost kwieta tinbidel f'waħda qalila, politikament. U naturalment lejn dawk l-imniefaħ prezzijiet. Kollox jogħla u se jibqa' jogħla fl-2023!  

U minn aspett aktar internazzjonali, nagħtu ħarsa lejn il-gwerra fl-Ukrajna u l-effett ta' din ix-xitwa, li ma hi xitwa xejn.  

Emenda Abort: X'se jagħmel u x'jista' jagħmel il-President? 

 Fost l-ewwel fuq l-aġenda Parlamentari hemm l-emenda li titratta t-tqala li tkun ta' "periklu gravi għal ħajjet jew saħħet il-mara" - hekk kif tgħid l-emenda stess. Il-Gvern se jressaq kjarifika li biex b'hekk tarbija fi tqala "vijabbli" u allura wieħed jifhem fi tqala li tista' twelled, tkun tista' titwieled. Il-mistoqsija hija kemm din il-kjarifika se tpaċi mill-oppożizzjoni għall-emenda. Naturalment dak is-settur tal-poplu li mhux l-emenda iddejqu daqs kemm qed jara fl-emenda opportunità politika, se jibqa' jopponi. Dawk li għalihom din l-emenda hija "żejda" u "bieb għall-abort" u allura jemmnu li ma għandu jsir xejn minnha, se jibqa' jopponi.  

Imma, ħafna aktar importanti u kruċjali hija din: Din il-kjarifika tal-Gvern kemm se tikkonvinċi lill-President tar-Repubblika li din l-emenda verament hemm bżonnha u li mhix abort, fis-sens wiesa' li bih ħafna drabi jinfthiem? U sussegwentement il-President se jiffrimaha l-Emenda fil-Liġi? 

Il-President tar-Repubblika poġġa lilu nnifsu f'qagħda antipatka il-mument li esprima ruħu fuq dan is-suġġett u kien daqstant kategoriku dwar riżenja, ftit sigħat biss wara li sar President. Tajjeb jew ħażin, ħafna issa qed jistennewh iżomm ma' dik l-istqarrija kategorika, minkejja li l-irwol ta' President - skont il-Kostituzzjoni ta' Malta - ma jippermettix li dan iwaqqaf liġi milli tidħol fis-seħħ.  

Għalhekk, hekk kif bdiet l-2023, Vella għandu tliet għażliet: Jew li jiffirma għax iħoss li l-kjarifika li saret tagħti aktar protezzjoni lit-tarbija, jew isiefer u jiffirma l-Aġent President biex din tkun it-tieni darba li din ġrat bi pjan jew inkella ma jiffirmax u kif mistenni minnu kostituzzjonalment, jirriżenja. 

Jekk iseħħu l-ewwel xenarji jaqla' l-kritika, jgħaddi ż-żmien u l-kwistjoni tinżel sew fl-elenku ta' prioritajiet tan-nies u anke tal-politiċi. Iżda jekk imur għal riżenja jkun qed joħloq xenarju Kostituzzjonali uniku u kważi, kważi kriżi kostituzzjonali hekk kif ikun l-ewwel President tar-Repubblika minn meta Malta saret Repubblika fl-1974 li jkun irriżenja mill-kariga u aktar minn hekk l-ewwel President li jkun irriżenja propju għax ma jaqbilx ma' liġi li jkun ressaq Gvern.  

Xi ħaġa bħal din toħloq preċedent partikolari u probabbilment twassal, fl-2023 jew lilhinn, għar-ridefinizzjoni tal-irwol tal-President u meta dan jista' effettivament iwaqqaf lill-eżekuttiv, elett mill-poplu, milli jdaħħal liġi jew inkella jipposponi tali liġi. Għax imbagħad dak li jgħodd għat-tqala u l-abort ikun jgħodd għal kull kwistjoni oħra li ma timxix skont il-valuri ta' President.  

Tbiddel ukoll, b'mod assolut, id-dinamika tal-kariga u kif il-poplu jħares lejn il-President, għax imbagħad mill-idea ta' persuna purament ċerimonjali u figura simbolika, jsir figura ċentrali u kruċjali fil-proċess leġiżlattiv. Għax il-poplu, jew lobby groups li ma jkunux iridu liġi tgħaddi jibdew jaraw fil-President iċ-ċavetta ewlenija biex minkejja l-Parlament u minkejja l-eżekuttiv, xorta jwaqqfu liġi milli tgħaddi.  

Għalhekk, b'riżenja tinħoloq kriżi kostituzzjonali. 

 'Il bogħod mill-elezzjonijiet... Jew? 

L-2023 se tkun l-ewwel sena f'ħafna li fiha ma hemmx elezzjoni jew inkella li mhux qed nistennew waħda. Għalhekk hija sena li jidher illi fuq il-front politiku lokali se tkun kwieta, speċjalment fid-dawl tal-fatt li s-sondaġġi qed jibqgħu juru lill-Partit Laburista u aktar u aktar lil Robert Abela b'eluf kbar ta' voti minn fuq. Għalhekk ma hemmx xi stennija partikolari għall-ebda għażla elettorali.  

Dan dejjem sakemm iżda, il-Moviment Pro-Life flimkien mal-għaqdiet diversi tal-Knisja ma jibdewx jiġbru l-firem ladarba l-Emenda dwar l-Abort tgħaddi mill-istadju ta' Kumitat sabiex jissejjaħ referendum abrogattiv - jiġifieri referendum li jitlob għal bidla f'liġi. Il-PN probabbilment mhux se jkun daqstant entużjast għal din il-proposta hekk kif referendum kontra din l-emenda bil-PN fuq quddiem kontra l-abort jaf jikkomprometti - u mhux ftit - il-kandidatura u l-irwoli prospettivi ta' Roberta Metsola li ddikjarat ruħha favur l-abort, hekk kif inhi l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew. 

Naturalment, referendum jitfa' lill-Partit Laburista wkoll fuq quddiem favur l-emenda u naturalment (u skont kif issir il-mistoqsija) favur l-abort fil-perċezzjoni ta' bosta. Din hija sfida wkoll għall-partit fil-Gvern.  

Referendum dwar suġġett daqstant sensittiv u li jqajjem tant emozzjoni jista' faċilment jagħmel l-2023 qalila daqs sena ta' elezzjoni.  

Il-ħajja kemm se ddum togħla? 

Din is-sena - kif anke nnota mal-ILLUM l-ekonomista Clint Flores - kollox jindika li l-gwerra fl-Ukrajna se tibqa' għaddejja, għallinqas għall-ewwel parti tas-sena. Dan se jkompli jiggrava numru ta' sitwazzjonijiet, mhux l-inqas in-nuqqas ta' provvista ta' gass mir-Russja, nuqqas ta' provvista ta' ikel, żieda fil-prezz tat-trasportazzjoni u ritaljazzjonijiet minn Putin li jistgħu jiddistabilizzaw l-ekonomiji Ewropej.  

Dan kollu jfisser ħaġa waħda: Il-ħajja matul l-2023 se tkompli togħla. U dan mhu awgurju tajjeb xejn għall-ħaddiema, familji, negozji u lanqas għall-Gvern innifsu hekk kif inqas flus fl-idejn ifisser inqas konsum, li jfisser ekonomija batuta u inqas dħul għall-Gvern mill-VAT u taxxi oħrajn.  

Sa issa, anke permezz tal-Baġit, il-Gvern jidher illi kien qed jindirizza din il-problema biex itaffi għal ftit żmien. Iżda l-mistoqsija hi: Il-miżuri biex jittaffa t-toqol tal-piż tal-għoli tal-ħajja - fosthom il-COLA ta' €9.90 - kemm se ddum sostenibbli? U jekk din is-sena il-Gvern ikollu jerġa' jagħti COLA daqs jew aktar mill-Baġit li għadda, sa fejn se jibqgħu jifilħu għaliha n-negozji? U finalment, jekk il-ħajja tibqa' togħla, din kif se tkompli timpatta l-konsum tan-nies, li jgħajjex eluf kbar ta' ħaddiema u negozji? 

Rebħa Ukrena?  

Min se jirbaħ jew min se jċedi l-ewwel bejn Zelenskyy u Putin ħadd ma jaf. Li huwa żgur hu li l-Ukreni ħarġu ħafna aktar b'saħħithom milli ħasbu ħafna filwaqt li Vladimir Putin kellu rebħiet fl-invażjoni tiegħu, pero' kellu jagħmel irtirati ħafna aktar milli ħasbu ħafna. 

Ċara wkoll li l-Unjoni Ewropea, flimkien mar-Renjuu Unit u l-Istati Uniti ingħaqdu f'ponn wieħed biex jiddefendu l-integrità territorjali ta' pajjiż li ġie invadut mingħajr ebda raġuni. Is-sanzjonijiet kienu bosta u kienu iebsa, u sa ċerta punt ix-xorti daħket ħafna aktar lill-Ewropa hekk kif minkejja biża' mix-xitwa b'rabta ma' nuqqas ta' provvista tal-gass, din ix-xitwa qed tkun waħda mill-inqas kesħin f'ħafna snin. Għalhekk il-bżonn li n-nies isaħħnu djarhom huwa inqas.  

Ċara wkoll li ċ-Ċina - li flimkien mal-Istati Uniti u l-Ewropa - jitqiesu bħala powerhouses ekonomiċi - qed iżżomm ħafna 'l bogħod milli tambraċċa lil Putin. Ma ninsewx li r-Russja u ċ-Ċina huma alleati politiċi, marbutin bl-istorja - passata u kurrenti - Komunista. Ftit biss ilu - fit-22 ta' Diċembru 2022 - il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ċiniż Wang Yi kien qal illi ċ-Ċina tinsab fuq in-naħa tal-paċi fil-kwistjoni tal-Ukrajna. Mhux eżattament l-akbar appoġġ li Putin seta' kiseb mingħand wieħed mill-aktar alleati b'saħħithom.  

Nistennew u naraw. Pero' rebħa Ukrena tidher iktar possibbli llum milli kienet xhur ilu.  

Sena xotta? Il-Bidla fil-klima terġa' tiddomina... 

Xitwa li qisha ma hijiex xitwa. Iktar xitwa li qisha Rebbiegħa. Hekk jista' jissejjaħ l-istaġun li għaddejjin minnu bħalissa. Relattivament sħana għal dan iż-żmien tas-sena, xita kważi xejn u kesħa xi ftit bil-lejl.  

Forsi l-ġranet sbieħ kulħadd jieħu gost bihom għax toħroġ u tgawdi barra fuq xi bajja, jew picnic jew xi mixja mal-baħar. Imma hemm raġuni naturali għaliex hemm xitwa u għaliex tagħmel ix-xita.  

Temperturi sħan għat-tul se jwasslu biex l-effetti tal-bidla fil-klima jibdew jinħassu sew speċjalment f'pajjiżi imdawwrin bil-baħar bħalna. Se nibdew naraw speċi differenti fl-ibħra tagħna, aktar insetti u insetti differenti u se nibdew naraw lill-biedja tagħna tbati aktar biex tkabbar ċerta ħaxix u frott.  

Imma mhux Malta biss. Fi Spanja telgħet 25 grad, fil-Polonja għall-ewwel darba fl-istorja telgħet 19-il grad f'Jannar u ħafna mill-Alpi baqgħu ħodor, minflok bjadu bil-borra. Il-konsegwenzi? Telf ta' impjiegi, jinħall il-permafrost li jwassal biex jintefa' fl-arja aktar dijossidu tal-karbonju u methane - li jwasslu biex il-pjaneta tisħon aktar, aktar mard u pajjiżi li jsir litteralment inabitabbli.  

Din ix-Xitwa taf tkun l-aħħar ċirasa fuq dak il-kejk biex fl-2023 nibdew insewwu l-ħsara li saret lill-pjaneta tagħna! Sakemm mhux diġà tard wisq! 

More in Politika