Minn rakkonti dwar safar fuq xogħol għal messaġġi li kien jibgħat dwar ibnu, illum membri taż-żewġ naħat tal-kamra isellmu lill-kollega tagħhom Silvio Parnis. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li minkejja t-tbatija u l-inkwiet li ma setax jibqa' jaħdem kien x'se jiġri minn martu Dorianne u ibnu Jacob jekk jiġi nieqes. "Dakinhar jiena għidtlu ħu ħsieb saħħtek, familtek responsabbilità tiegħi. Hekk wegħdtu u se nibqa' nżommha."
'Jacob tħares fejn tħares, missierek ħalla biss ġid madwaru. Dak hu l-akbar legat ta' ħuna Silvio'
Tkellmet ukoll il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli li f'indirizz lil ibnu, li kien preżenti, qaltlu "tħares fejn tħares missierek ħalla biss ġid madwaru." Dan filwaqt li qalet li Parnis għex u ta' ħinu kompletament għan-nies u għalih il-politika kienet biex jgħin.
Hija żiedet tgħid li xi kultant politiku jaf jintilef fl-affarjiet frivoli bħal-likes u kif tidher fir-ritratti u qalet li huwa proprju dak li "għandna nitgħallmu minn Silvio u nimxu bil-valuri tiegħu."
Magħha qabblu diversi Membri Parlamentari oħra, inkluż il-Prim Ministru, biex tinżamm mentalità matura fil-Parlament, biex ma jintesa' qatt iż-żgħir, li dejjem jitħaddnu l-valuri, li l-politiċi jibqgħu dejjem umli, li jaħdmu b'passjoni u li bħala politiċi dejjem iżommu n-nies fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom.