Il-prezzijiet tal-ikel għolew b'14% fl-2022 grazzi għan-nixfa u l-gwerra fl-Ukrajna - Il-Ġnus Magħquda
Dan apparti li n-nuqqas ta' xita f'pajjiżi fl-Afrika qed twassal għal kriżi umanitarja...
More in Politika
Dan apparti li n-nuqqas ta' xita f'pajjiżi fl-Afrika qed twassal għal kriżi umanitarja...
Issa huwa ikkonfermat. Mhux f'Malta biss iżda madwar id-dinja kollha l-prezzijiet tal-ikel mhux għolew, imma splodew matul l-2022 tant li laħqu ċifri rekord. Ikkonfermat ukoll mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tal-Ġnus Magħquda (FAO) illi ż-żidiet fiż-żjut tal-ħaxix u l-qmuħ huma riżultat ta' żewġ fatturi: In-nixfiet li qed jesperjenzaw diversi żoni madwar id-dinja, grazzi għall-bidla fil-klima u l-gwerra fl-Ukrajna.
L-FAO qalet illi din iż-żieda fil-prezzijiet qed twassal għal problema ta' ġuħ madwar id-dinja. Tant hu hekk li l-istess Ġnus Magħquda din il-ġimgħa rrapportat kif madwar 71 miljun persuna madwar id-dinja bħalissa qed jesperjenzaw faqar, b'riżultat dirett tal-prezzijiet tal-ikel u l-prezzijiet tal-enerġija.
L-Indiċi tal-ikel tal-FAO, li tieħu kont xahar b'xahar tal-prezzijiet tal-ikel, juru kif iż-żieda kienet waħda astronomika ta' medja ta' 143.7 fl-2022, jiġifieri żieda 14% fil-prezzijiet tal-ikel meta mqabbel mal-2021. Dan meta fl-2021, il-prezzijiet tal-ikel kienu diġà żdiedu bi 28%.
L-FAO tasal għal dan il-kalkolu wara li tieħu l-prezz ta' ikel bħal ċereali, qmuħ, laħam u zokkor.
L-uniku ftit xaqq ta' dawl kien tnaqqis ta' 1.9% fil-prezzijiet fi tmiem is-sena, b'riżultat ta' tnaqqis fil-prezz taż-żejt tal-ħaxix u tnaqqis fil-prezz taż-żejt.
Il-Kap Ekonomista tal-UN Maximo Torero qal illi filwaqt li kwalunkwe tnaqqis huwa tajjeb, huwa importanti li l-Gvernijiet u l-Ġnus Magħquda jibqgħu viġilanti u ffukati sabiex inaqqsu minn nuqqas ta' sigurtà fil-provvista tal-ikel.
L-invażjoni Russa naturalment kienet ir-raġuni wkoll għaliex din is-sitwazzjoni ggravat, hekk kif l-Ukrajna u r-Russja huma fornituri ewlenin tal-qamħ, speċjalment għall-Afrika, l-Ażja u l-Lvant Nofsani. F'Lulju li għadda kien intlaħaq qbil biex jgħaddu vapuri mill-Baħar l-Iswed b'kunsinji ta' ikel, anke jekk dan għamel ftit biex jreġġa' lura l-effetti tal-prezzijiet li kienu diġà għolew sew.
Jidher illi dan kollu qed jaffetwa l-aktar pajjiżi fl-Afrika, bħall-Etjopja u s-Somalja, li kellhom livelli baxxi mmens ta' xita b'eluf imutu diġà u eluf ta' familji oħrajn jitilqu minn djarhom biex ifittxu ikel u ilma.