Il-maġġoranza assoluta u qawwija tal-istudenti Għawdxin li pparteċipaw f'sondaġġ organizzat mill-Grupp tal-Istudenti Universitarji Għawdxin (GUG) qalu illi r-rotot tat-trasport pubbliku kif inhuma bħalissa u li jwassluhom għall-Università mhumiex ta' min wieħed jiddependi fuqhom. Fil-fatt kienu 93.6% tal-istudenti li esprimew dan is-sentiment negattiv, filwaqt li kważi dawk kollha li pparteċipaw f'dan is-sondaġġ tal-GUG sostnew illi r-rotta X300 għandha terġa' tibda topera mill-ġdid. Din ir-rotta kienet titlaq miċ-Ċirkewwa lejn il-Belt Valletta u tieqaf biss darbtejn, ħdejn l-Università.
L-istudenti li pparteċipaw f'dan is-sondaġġ qalu illi huma lesti li jużaw trasport organizzat mill-KSU u l-GUG jekk "is-sitwazzjoni tibqa' kif inhi."
Il-GUG qalet illi l-istudenti sostnew illi soluzzjoni għal dan hija rotta li titlaq miċ-Ċirkewwa u tieqaf biss l-MCAST ta' Raħal Ġdid u l-Università.
Pero' l-istudenti esprimew l-inkwiet u r-rabja tagħhom ukoll dwar l-iskeda tal-Fast Ferry bil-GUG issostni li servizz bħal dan għandu jkun wieħed li jforni l-ħinijiet tax-xogħol tan-nies, bejn il-5:00 a.m u s-7:00 p.m u anke għal dawk li jispiċċaw il-lekċers aktar tard.
Intant il-GUG sostniet illi hija mħassba ferm bis-sitwazzjoni preżenti tat-trasport pubbliku u sostniet illi bħala organizzazzjoni qed tagħmel li tista' u qed ikollha djalogu kontinwu mal-awtoritajiet sabiex dan jitjieb. "Il-GUG ilha li qajmet dan it-tħassib - kemm fuq ir-rotta kurrenti tal-X1 u anke fuq il-bżonn li terġa' tibda titħaddem ir-rotta X300. Aħna favur rotot ta' trasport pubbliku li jgħinu u jakkomodaw lill-istudenti u meta wieħed iqis li l-istudenti tal-lum huma l-futur aktar u aktar ir-rotot għandhom ikunu attraenti, ħalli n-nies jibqgħu jużaw it-trasport pubbliku."
Dwar l-operat tal-Fast Ferry il-GUG sostniet illi kienu bosta l-istudenti li kellmuha u ilmentaw dwar l-iskeda kurrenti u kif din mhix qed tilqa' għall-bżonnijiet tal-Għawdxin. Fakkret illi hija ta' importanza kbira li din l-iskeda tinbidel u jkun hemm aktar vjaġġi bejn il-gżejjer għall-benefiċċju tal-istudenti u anke tal-Għawdxin, kif ifakkru li wiegħed il-Gvern.