Fil-laqgħa tal-lum, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Silvio Parnis, li serva fil-Parlament bħala membru tal-istess Grupp Parlamentari f’ħames leġiżlaturi.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li fuq proposta tal-Prim Ministru, Robert Abela, kien hemm ukoll qbil unanimu li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista jinnomina lil Silvio Parnis biex ikun rikonoxxut mill-istat meta iktar tard matul is-sena l-istat ikollu okkażjoni biex jirrikonoxxi lil dawk li jkunu taw kontribut sinjifkanti fis-soċjetà tul is-snin. "M’hemmx dubju li l-kontribut li ta Silvio Parnis kien wieħed kbir," tkompli tgħid l-istqarrija tal-PL.
Kien ukoll l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li ppropona dan il-pass ta' rikonoxximent lil Silvio Parnis.
"F’kull livell li ħadem fih, ħares biss lejn is-servizz li jista’ jagħti lin-nies. Kien politiku maħbub, għax dejjem ġab l-interess ta’ ħaddieħor qabel tiegħu mingħajr ma ħares lejn kuluri politiċi. Hekk, fil-prattika ħaddem dejjem il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, kien dejjem viċin il-batut u ħadem bil-kbir fost l-anzjani," ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.