'Fetu vijabbli għandu jitwelled' - Fearne jindika kjarifika fl-Emenda li titratta t-tqala

Id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne jagħti l-ewwel indikazzjoni ta' kjarifika sabiex  jekk jinqalgħu kumplikazzjonijiet tard fit-tqala, f'liema punt it-tarbija tkun tista' titwelled, dan għandu jseħħ

Hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin l-emenda dwar l-abort f'każ meta saħħet jew ħajjet l-omm tkun ipperikolata, se titressaq fi Stadju ta' Kumitat fil-Parlament, illum waqt konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ċċara li meta fetu huwa vijabbli għandu jitwelled. Dan ifisser illi jekk jinqalgħu kumplikazzjonijiet tard fit-tqala, f'liema punt it-tarbija tkun tista' titwelled, dan għandu jseħħ.

Il-Gvern pero' - ċċara Fearne - mhux se jneħħi l-aspett ta' saħħet il-mara li tkun ipperikolata mill-emenda.

Din l-emenda qajmet xi ftit ta' furur madwar il-pajjiż hekk kif bosta - inkluż il-PN - akkużaw lill-Gvern li qed jipprova jdaħħal l-abort f'kull każ. Il-PN insista wkoll li fl-aħħar snin, minkejja li kien kien hemm każi fejn tqala kellha titwaqqaf minħabba li kienet qed tipperokola ħajjet l-omm, ma kien hemm ebda tabib li spiċċa l-ħabs. Esprima wkoll tħassib għall-użu tal-kelma "saħħet" fl-emenda u staqsa jekk persuna li jkollha problemi ta' saħħa mentali hux se titħalla twaqqaf it-tqala. 

Il-Gvern qed jinsisti li dak li qed iressaq hu jagħti ċertezza legali lit-tobba biex ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet, meta meħtieġ u mingħajr biża' ta' riperkussjonijiet. 

"Għalina dejjem kien ċar li l-fetu li huwa vijabbli u li allura jista' jgħix barra l-ġuf għandu jitwelled. Imma se nintroduċu emenda biex dan ikun kjarifikat," sostna Fearne għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti preżenti. 

More in Politika