L-għaqda xellugija, Żminjietna b’reazzjoni għall-qtil ta’ Bernice Cilia kif ukoll numru ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika tappoġġja u tappella għall-introduzzjoni tat-tagging elettroniku.
“Matul dawn l-aħħar snin rajna rata allarmanti ta’ żieda fil-vjolenza domestika. Din hija pjuttost inkwetanti u ta’ tħassib kbir,” qalet l-għaqda. Fil-fatt l-ILLUM tkellmet ma' vittma ta' vjolenza domestika li spjegat pass pass il-proċess kollu ta' vittma meta tirrapporta lill-aggressur tagħha.
Żminijietna tinnota li l-kunċett ta’ tagging elettroniku qed jingħata importanza u li hija waħda mill-għodod ewlenin li qed tiġi applikata madwar id-dinja. Għaldaqstant tirrakomanda wkoll li jiġu applikati aktar miżuri biex pajjiżna jiġġieled il-vjolenza permezz ta’ approċċ multidixxiplinarju, fejn il-professjonisti u l-istakeholders kollha involuti jiltaqgħu fuq bażi regolari biex jiddiskutu u jidentifikaw il-livell ta’ riskji u mbagħad jaġixxu fil-pront biex jipprevjenu aktar reati.
Barra minn hekk Żminijietna tirrakomanda li “aktar għarfien u informazzjoni pubblika għandha tkun fuq bażi kontinwa, anke fuq vjolenza online li wkoll tħalli effetti serji.”