Informazzjoni maħruġa minn servizzi ta' telemediċina u kwotata minn Women on Web u l-Women help Women turi illi fl-2022 inxtraw xejn inqas minn 424 pakkett ta' pilloli abortivi minn persuni residenti Malta, żieda ta' 19% mis-sena ta' qabel meta kienu inxtraw 356 pakkett. Dan huwa l-akbar numru ta' pakketti ta' pilloli abortivi sa mill-2017 meta kienu inxtraw 93 pakkett.
Iż-żieda fil-pakketti ta' pilloli abortivi li ntbagħtu Malta jindika żieda fis-sevizzi ta' telemediċina lilhinn ukoll mis-snin illi matulhom Malta - bħal bqija tad-dinja kienet qed tiffaċċja restrizzjonijiet marbutin mal-pandemija tal-Covid-19.
L-għaqda Doctors for Choice qalet illi tikkunsidra din iż-żieda bħala fattur pożittiv, hekk kif tfakkar illi kemm il-Women on Web u l-Women Help Women jistaqsu lill-klijenti biex iwettqu konsultazzjoni medika qabel ma fil-fatt jingħataw dawn il-pilloli. Doctors for Choice qalet illi aktar kemm ikun hemm nisa li jirrikorru għal dawn is-servizzi telemediċi, inqas ikun hemm nisa li jaqgħu vittma ta' aborti illegali, frodi u fornituri li jżommu prezzijiet għoljin ħafna.