Il-President jappella mill-ġdid biex jiġu indirizzati l-punti kollha li qed jitqajmu dwar l-abort

Il-President Vella tkellem ukoll dwar Għawdex u wera t-tħassib tiegħu dwar l-iżvilupp li għaddej fil-gżira Għawdxija

 

Il-President ta’ Malta George Vella reġa' kiser is-silenzju u tkellem dwar id-diskussjoni li għaddejja bħalissa fil-Parlament u fil-pajjiż dwar il-liġi li jrid jintroduċi l-Gvern biex l-abort ikun legalizzat meta l-ħajja tal-omm tkun f'periklu jew inkella saħħitha tkun f'riskju serju. 

Fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum ir-Repubblika f’Għawdex, il-President Vella qal li jittama li “bid-diskussjonijiet li għaddejjin, tinstab soluzzjoni li biha jiġu indirizzati l-punti kollha li qegħdin jiġu espressi mill-esponenti differenti f’dan id-dibattitu.” 

Waqt id-diskors tiegħu, il-President wera wkoll it-tħassib tiegħu dwar l-iżvilupp f'Għawdex li fi kliemu jista' jnaqqar mhux biss il-ġmiel naturali ta' Għawdex imma anke jagħti daqqa lill-prodott turistiku Għawdxi

“Is-seħer ta’ Għawdex irridu nibżgħu għalih, għax miegħu jaf jintilef ħafna iktar," qal Vella.

Fid-diskors tiegħu, il-President tkellem dwar tbatijiet li għaddejjin minnhom bosta fis-silenzju.

Semma l-abbużi u l-vjolenza domestika, il-vizzji qerrieda ta’ xorb alkoħoliku u drogi, u dak insidjuż ħafna tal-logħob tal-azzard, il-kliem ta' mibiegħda fuq il-midja soċjali, u l-bullying fiżiku jew virtwali.

“Ħadd minna m’għandu soluzzjoni għal dan kollu li qed insemmi, iżda lkoll għandna responsabbiltà u sehem x’nagħtu”, qal il-President waqt li appella lill-vittmi u lil qrabathom biex jitkellmu u jfittxu l-għajnuna.

Min-naħa tal-awtoritajiet, qal il-President, iridu jkomplu jagħmlu l-almu tagħhom li l-mezzi u l-għodod li għandhom biex jittaffew dawn il-pjagi soċjali jintużaw b’mod effiċjenti, bid-dinjità mistħoqqa u bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. 

Il-President Vella qal li l-ġustizzja soċjali trid titgawda minn kulħadd – il-Malti, l-Għawdxi, u l-barrani, u esprima tħassib li l-poplu għandu jsibha bit-tqila biex jimplimenta l-integrazzjoni tal-barranin

“M’għandu jkun hemm l-ebda lok għal imġiba jew kliem razzist jew ksenofobiku fis-soċjetà tagħna u hemm bżonn nedukaw lilna nfusna, l-ewwel u qabel kollox”, wissa l-President. 

Il-President għamel sejħa biex, minkejja d-differenzi u d-diverġenzi, il-poplu jkompli jfittex l-għaqda u jħabrek għall-paċi madwarna u lil hinn.

“Ejjew inkomplu inħarsu ‘l quddiem b’mod kostruttiv u b’saqajna mal-art. Ejjew nibqgħu niġbdu ħabel wieħed biex insaħħu l-ġid komuni u niksbu riżultati dejjiema, bħala Poplu wieħed u magħqud,” temm jgħid il-President.

More in Politika