L-eks kontrollatur finanzjarju tal-Enemalta Tarcisio Mifsud jinħeles minn akkużi ta' korruzzjoni

Mifsud kien akkużat li  rċieva commissions minn tenders taż-żejt f'dak li baqa' magħruf bħala l-iskandlu taż-żejt 

L-eks kontrollatur finanzjarju tal-Enemalta, Tarcisio Mifsud, inħeles mill-akkużi kollha ta' korruzzjoni b'rabta ma' dak li baqa' magħruf bħala l-iskandlu taż-żejt, għaxar snin ilu.

Id-deċiżjoni fil-konfront ta' Mifsud ittieħdet dalgħodu mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Mifsud, li llum għandu 78 sena, kien wieħed minn sebat irġiel li kienu tressqu l-Qorti b'rabta mal-iskandlu taż-żejt li seħħ bejn l-1998 u l-2003.

Mifsud dejjem insista li huwa innoċenti. 

Il-Prosekuzzjoni kienet akkużatu li rċieva commissions minn tenders taż-żejt u li qasam dan it-tixħim ma' Alfred Mallia, li dak iż-żmien kien Kap tad-Diviżjoni tal-Petroleum, Alfred Mallia.

Is-sena li għaddiet, permezz tal-avukat Edward Gatt, Mifsud ressaq ilment li d-dritt tiegħu għal smigħ ġust ġie miksur minħabba dewmien fil-proċeduri legali kontrih, kif ukoll minħabba l-mod kif ġabet ruħha l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ.

Il-Qorti kienet saħqet li f'temp ta' sitt snin, il-Prosekuzzjoni ma kienet ippreżentat l-ebda evidenza ġdida kontra Mifsud u kienet iddikjarat li d-dritt tiegħu għal smigħ ġust ġie miksur.

More in Politika