'Jien minn Birżebbuġa, kburi u m'iniex tapit!' Għajta għal protesta minħabba l-irwejjaħ esaġerati

Folla ta' residenti rrabjati jingħaqdu biex jieħdu azzjoni

Illejla folla numeruża ngħaqdet f'sala fil-qalba ta' Birżebbuġa b'għan wieħed, li jesprimu r-rabja u l-frustrazzjoni kontra l-kundizzjonijiet li qed jaffaċċjaw ta' kuljum malli jirfsu l-għatba tal-bieb. Ir-residenti Birżebbuġin semmgħu leħinhom u qalu li ma jistax ikun li jibqgħu jgħixu bl-irwejjaħ ta' ħut li ġejjin minn fabrika f'Ħal Far. Organizzata mill-Għaqda Mhux Governattiva 'Għaqda, Storja u Kultura Birżebbuġa', il-membri tagħha talbu għal diskussjoni paċifika u li tkompli tirrenja l-għaqda. 

"Jien minn Birżebbuġa, kburi u m'hinix tapit," qal resident irrabjat filwaqt li staqsa lill-Kunsill dwar x'azzjoni ħa biex tiġi ndirizzata din il-problema, b'tant inkonvenjent għar-raħal. Il-membri tal-kunsill lokali preżenti spjegaw li l-ERA infurmathom li l-problema ta' drenaġġ ikkontaminat se tiġi indirizzatha fiż-żmien li ġej, bil-għan li telimina r-riħa.

Intant fost ir-residenti qam furur hekk kif membri tal-Gvern ma kienux preżenti biex jisimgħu l-karba tagħhom, jiġifieri l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, li ma setgħetx tattendi minħabba li tinsab imsiefra u l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri li taħt il-kappa tiegħu taqa' l-INDIS (u sussegwentament il-fabbrika li qed tikkawża l-irwejjaħ), li ma tax risposta. 

Fost id-diskussjoni u emozzjonijiet kbar ta' nies imxebba, ir-residenti talbu għal protesta biex tittieħed l-azzjoni li huma ddeskrivew li hija nieqsa min-nies li eleġġew fil-Kunsill. Preżenti kien hemm ukoll Andre Callus minn Moviment Graffitti li huwa wkoll qabel li l-pass li jmiss huwa li aktar residenti jingħaqdu fi protesta. 

Waqt din il-laqgħa tkellem ukoll is-Sindku ta' Birżebbuġa Scott Camilleri illi qal li preżentament il-Kunsill ingaġġa avukat ambjentali u qiegħed fil-proċess li jiġġieled is-sistema ta' Development Notification Order (DNO) li tippermetti li jinħarġu permessi għall-iżvilupp tal-art mingħajr awtorizzazzjoni tal-Kunsill Lokali. 

Preżenti wkoll fost il-folla kien hemm membri tal-Oppożizzjoni, membri tal-ADPD kif ukoll il-kandidat indipendenti Arnold Cassola li ngħaqad mar-residenti għat-talba tal-protesta. 

Meta se ssir din il-protesta? 

Intant filwaqt li din il-protesta ssejħet illum stess, l-Għaqda bi qbil mal-Kunsill ftehmu li se jkunu qed jorganizzaw protesta nhar is-Sibt li ġej. Madankollu l-pubbliku għad irid jistenna l-kunsens tal-Kunsill kollu, li xi membri minnu ma kienux preżenti għal din il-laqgħa. 

More in Politika