Is-servizz tal-Continuous Glucose Monitoring estiż għal persuni sa 23 sena bid-dijabete tat-tip 1

Dan is-servizz huwa b'xejn u l-Ministru Fearne qal li fix-xhur li ġejjin din l-iskema se tkompli tiġi estiża biex eventwalment, il-pazjenti kollha bid-dijabete tat-Tip 1 ikunu koperti u jgawdu minn din is-sistema bla ħlas

Il-Ministru Chris Fearne
Il-Ministru Chris Fearne

Fi żjara fid-Dipartiment tad-Dijabete fl-Isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li s-servizz b’xejn tal-Continuous Glucose Monitoring se jiġi estiż għal persuni sa 23 sena li huma bid-Dijabete tat-Tip 1.

Dan il-proġett bla ħlas beda bħala proġett pilota madwar sena u nofs ilu fejn it-tfal u ż-żgħażagħ ta’ taħt is-16-il sena ġew offruti sistema tal-Continuous Glucose Monitoring biex iħarsu l-livell taz-zokkor fid-demm b’mod kontinwu, u huma, flimkien mal-ġenituri tagħhom, jiġu infurmati jekk ikun hemm xi problema fiz-zokkor.

Fearne spjega li l-ewwel riżultati juru li s-sistema hija suċċess, mhux biss għax tnaqqas l-inkonvenjent u tagħti serħan il-moħħ, imma wkoll għax ir-riżultati tad-demm qed juru li r-rati ta’ kumplikazzjonijiet f’dawn it-tfal ħa tkun qed tonqos b’madwar 80%.

Matul is-sena li għaddiet kompliet tiżdied l-età ta’ nies eliġibbli għal din is-sistema bla ħlas, sa 21 sena, u issa din ġiet estiża għal sentejn oħra sa 23 sena. Fix-xhur li ġejjin din l-iskema se tkompli tiġi estiża biex eventwalment, il-pazjenti kollha bid-dijabete tat-Tip 1 ikunu koperti u jgawdu minn din is-sistema bla ħlas.

Fearne fakkar kif id-dijabete toħroġ l-aktar lill-anzjani, iżda dawk li jkollhom id-dijabete tat-Tip 1 tista’ taqbadhom minn meta jkunu żgħar, tant li hemm anki tfal bid-dijabete. Spjega kif iżjed mad-dijabete toħroġ f'etajiet żgħar, aktar hemm ċans li jiżviluppaw kumplikazzjonijiet meta jgħaddu s-snin u għalhekk importanti li l-livell taz-zokkor fid-demm jinżamm taħt kontroll.

More in Politika