'Nixtieq li s-servizz tas-saħħa f'pajjiżna jkompli jżomm il-pass mal-iżviluppi mediċi u teknoloġiċi'

Il-President George Vella fid-diskors tiegħu ta' Jum ir-Repubblika jagħmel aċċenn għall-emenda tal-Gvern dwar it-terminazzjoni ta' tqala f'każ ta' kumplikazzjonijiet 

Il-President George Vella
Il-President George Vella

Fit-48 anniversarju ta' Malta Repubblika l-President George Vella, fid-diskors tiegħu, irrifletta fuq is-soċjetà Maltija b'aċċenn għal temi importanti li qamu matul l-aħħar sena, fosthom il-vjolenza domestika, l-ambjent, it-traffiku, il-ġustizzja soċjali u r-riformi u li għaldaqstant fejn hemm bżonn il-Gvern ukoll għandu jeżamina x'jista' jtejjeb.

Vella qal li minkejja dan ma jixtieqx li jagħti l-impressjoni li "f'pajjiżna kollox ħażin, għandna ħafna tajjeb. Jien qiegħed b'responsabilità nindika dawk l-oqsma li, tort tagħna jew le, irridu nirranpaw biex pajjiżna jkun aħjar. F’dan il-kuntest, se nagħmel referenza għad-diskussjoni imqanqla li għaddejja f’pajjiżna bħalissa." Kien hawn li huwa għamel referenza għall-emendi tal-abort f'pajjiżna, filwaqt qal li hija x-xewqa tiegħu li dak kollu li għandna tajjeb f'pajjiżna "nibżgħu għalih u ntejbuh"

Żied jgħid li mhux prassi li l-President tar-Repubblika jitkellem dwar abbozzi ta’ liġi li għadhom quddiem il-Parlament. "Kif dejjem sostnejt, il-proċess demokratiku għandu jitħalla jilħaq il-milja tiegħu bla ebda tfixkil. Madankollu, inħoss li dawn huma ċirkostanzi partikolari u għalhekk għandi nesprimi t-tama tiegħi li bid-diskussjoniiet li għaddejjin, tinstab soluzzjoni li biha jiġu indirizzati l-punti kollha li qegħdin jiġu espressi mill-esponenti differenti f’dan id-dibattitu," qal il-President Vella. 

Huwa sostna li x-xewqa tiegħu hi li jara li "s-servizz tas-saħħa eċċellenti li diġà għandna f'pajjiżna, jkompli jżomm il-pass mal-iżviluppi mediċi u teknoloġiċi f'dan il-qasam biex inkomplu ngawdu l-livell għoli li għandna llum." Tant hu hekk l qal li l-Gvern m'għandu jieqaf qatt jaħdem biex pajjiżna jkollu l-ogħla livell ta' trasparenza, kontabilità, u ekwità biex jitħaddmu dejjem aħjar b’rispett sħiħ lejn id-demokrazija u l-ġustizzja ġewwa pajjiżna.

Huwa temm jgħid li, "hija xewqa tiegħi, bħalma jiena ċert li hija x-xewqa tal-maġġoranza tal-poplu tagħna, li naraw lil pajjiżna jkompli jgħix fil-paċi, u jaħdem bis-sħiħ biex ixerred il-politika tal-paċi u mhux il-politika tal-gwerer. Viva Malta Repubblika." 

More in Politika