'L-industrija tal-kostruzzjoni ma tistax tibqa' taċċetta l-medjokrità, ta' dan qed inħallsu prezz'

Il-Kamra għall-Immaniġġjar tal-Kostruzzjoni tappella għal aktar professjonalità u persuni li jkunu inkarigati li jħarsuha

Il-Kamra għall-Immaniġġjar tal-Kostruzzjoni tenfasizza l-bżonn ta' aktar professjonalità fl-industrija tal-kostruzzjoni. Dan qalitu fid-dawl tal-inċident traġiku ta' nhar is-Sibt li għadda, f'sit ta' kostruzzjoni f'Raħal ġdid, li wassal għall-mewt taż-żagħżugħ ta' 20 sena, Jean Paul Sofia bi tliet persuni oħra jissieltu għal ħajjithom. Il-Kamra qalet li l-industrija tal-kostruzzjoni ma tistax tibqa' taċċetta l-medjokrità u tkun ta' kwalità ħażina, "ta' dan qed inħallsu prezz."

Il-Kamra qalet li fl-aħħar xhur l-impenn tagħha kien li jiżdiedu l-kwalità tal-istandards fi ħdan is-settur, b'enfasi speċjali fuq aktar professjonalità. "Li tkun gradwat huwa tajjeb, iżda mhux biżżejjed. L-industrija tal-kostruzzjoni kontinwament tevolvi u għaldaqstant, l-istakeholders kollha li jagħmlu parti minnha, inkluż membri li tirrappreżenta din il-kamra, għandhom jiżguraw li jibqgħu jitħarrġu," qalet il-MCCM. 

Intant spjegat li waħda mir-responsabilitajiet ta' maniġer tal-kostruzzjoni huwa li toħloq struttura adegwata li tiżgura l-kwalità tax-xogħol, tagħmel monitoraġġ ta' dak li qiegħed isir, mill-bidu tal-proġett sal-aħħar.

"Sakemm ma jkunx hemm professjonisti apposta biex jieħdu r-responsabilità għall-proġetti ta' kostruzzjoni, il-probbabilità ta' aktar inċidenti tkompli tiżdied," żiedet l-MCCM. 

More in Politika