‘Is-sistema falliet, bla dubju ta’ xejn’ - Coleiro Preca dwar il-femiċidju

Kif se nindirizzaw il-femiċidju? Reklutaġġ ta’ pulizija għaqli, aktar użu tat-teknoloġija, Qorti effiċjenti b’aktar esperti u investiment fit-tfal. L-ILLUM tintervista lil President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca li tesprimi d-diżappunti tagħha fin-nuqqasijiet li wasslu għat-tielet tal-femiċidju ta’ sena  

Il-qtil ta’ Bernice Cassar ħasad lil Malta kollha, iżda l-emozzjonijiet waħedhom mhux se jimplimentaw il-bidla biex nipprevjenu xi traġedja oħra. Mal-gazzetta ILLUM il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca tisħaq li s-sistema falliet. “Is-sistema falliet, bla dubju ta’ xejn. Għandna bżonn bidla fil-kultura ta' kif nagħmlu l-affarjiet. Il-liġi tal-femiċidju hi importanti iżda ma nistgħux nistrieħu fuq il-liġijiet biss,” qalet Coleiro Preca.  

Qalet li bħala poplu għandna nammettu li għandna mentalità u kultura patrijarkali u li filwaqt li kien hemm ħafna inizjattivi tal-Gvern, qalet li dawn “mhumiex biżżejjed.” 

Apparti minn hekk hija qalet li pajjiżna għandu problema ta' rabja. Fil-fatt qalet li jekk tkun qiegħed issuq u tinzerta lil xi ħadd mgħaġġel, malajr taqla xi għajta. “Kemm il-kwistjoni kellna fit-toroq? Din ukoll qed tirrifletti r-rabja tagħna. Għandna sens kbira ta' rabja u hemm lok li nirriċerkawha u nindirizzawha.”  

Hawn l-ILLUM twaqqafha u tistaqsiha kieku kienet liebsa ż-żarbun ta’ Robert Abela u għaldaqstant hi Prim Ministru, x’kienet tagħmel biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet, li hi tenniet tant li għandna bżonn nindirizzaw?  

Coleiro Preca wieġbet li hemm żewġ modi ta’ kif naffaċċjaw din is-sitwazzjoni: Soluzzjonijiet li għandhom jittieħdu mil-lum għal għada biex iħallu frott malajr u soluzzjonijiet oħra li r-riżultati tagħhom jintlaħqu maż-żmien.  

“Ma nistgħux nibqgħu nistennew. Kif jista’ jkun li 1,400 każ pendenti jinstemgħu quddiem Maġistrat wieħed biss? Il-loġika tgħidlek li persuna waħda mhux biżżejjed. Anke tnejn jew tlieta addizzjonali mhux biżżejjed. Din il-kwistjoni nnifisha, tirrifletti l-problema li għandna,” spjegat Coleiro Preca.  

Intant kif irraporta is-sit illum.com.mt ilbieraħ Coleiro Preca irrifjutat li twieġeb il-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta dwar l-emenda li qed iressaq il-Gvern, jiġifieri dik li tagħti s-setgħa lit-tobba li jitterminaw it-tqala f'każ li kumplikazzjonijiet tat-tqala jistgħu jirriskjaw il-ħajja tal-omm.  

‘Minflok vittma tmur tagħmel rapport l-għassa għaliex ma jsirux rapporti permezz ta’ app?’ 

Coleiro Preca tissuġġerixxi li l-esperti tal-Qorti għandhom ikunu impjegati fuq bażi full-time mal-Maġistrati jew l-Imħallfin, speċjalment dawk il-professjonisti psiko-soċjali. Qalet li filwaqt li l-Maġistrati huma mgħallma biex jaqraw u japplikaw il-liġi, sostenn psikoloġiku jgħinhom jiżnu dak li jintqal fil-kawżi u jagħmlu analiżi aħjar tas-sitwazzjoni.   

Apparti minn hekk qalet li rridu nassiguraw li jekk il-vittma għamlet il-kuraġġ li tirrapporta, għandu jiskatta proċess li jiżgura l-ħarsien u l-benesseri tal-vittma.  

Sostniet li issa n-nuqqasijiet “nafu x’inhuma u li issa wasal iż-żmien li li nindirizzawhom.” Qalet li l-ekonomija tieħu ħafna attenzjoni iżda l-ħajja, ir-rispett u d-dinjità tal-bniedem huma importanti wkoll. 

Intant hija kompliet tispjega li fejn jidħlu soluzzjonijiet it-tul, li hija tiddeskrivi bħala essenzjali, huwa l-investiment fit-tfal, “għax dak li jaraw id-dar, joħduh magħhom l-iskola.”  

Sostniet li vittmi li jaraw il-vjolenza domestika taffetwahom psikoloġikament, tant li jew jidħlu f’qoxrithom jew inkella isiru bullies. Fil-fatt qalet li l-ibbuljar fl-iskejjel għadu realtà u qed jeqred il-ħajjiet ta' ħafna żgħażagħ. “Jekk se jsir bully fl-iskola, eventwalment se jsir bully fil-familja, fil-kommunità u fuq il-post tax-xogħol. L-investiment fit-tul irid ikun fit-tfal għax inkunu qed niżirgħu ż-żrieragħ fil-kommunità u nsaħħu l-mexxejja ta' pajjiżna,” qalet Coleiro Preca.  

Fil-fatt hija enfasizzat li nistgħu nagħmlu ħafna liġijiet u inizjattivi iżda nkunu qed nirrepetu l-iżbalji tagħna stess jekk ma ninvestux f’uliedna.  

‘Mhux ġust li l-Pulizija jkunu the jack of all trades’  

Din l-intervista issa ddur fuq ir-riżorsi umani, speċifikament fil-Korp tal-Pulizija u li “hija tortura psikoloġika li mara li għamlet il-kuraġġ li tirrapporta l-vjolenza, tagħmel sigħat twal tistenna fil-unit tal-vjolenza domestika.”  

Apparti minn hekk Coleiro Preca qalet li kieku hi kienet Prim Ministru kienet tiżgura li l-Pulizija li jiltaqgħu mal-każi ta’ vjolenza domestika, jingħataw aktar taħriġ. “Mhux sew li dħalt pulizija u trid tagħmel naqra minn kollox, iridu jingħataw speċjalizzazzjoni. Ma nistgħux nibqgħu jack of all trades. Bernice ħarbet minn taħt idejn is-sistema, Bernice għamlet kollox kif suppost, kellha wkoll deċiżjoni tal-Qorti u lanqas dik ma’ ħadmet.” 

“Minflok mara tmur id-depot u tagħmel rapport, għaliex ma nużawx it-teknoloġija li għandna għad-dispożizzjoni tagħna u jsiru rapporti permezz ta’ app?” staqsiet Coleiro Preca.  

‘Ma nistgħux nibagħtu l-messaġġ li meta tkun akkużat b’allegazzjonijiet serji titħalla tagħmel li trid’ 

Is-sena hija l-2020. Chantelle Chetcuti, omm ta' 43 sena li qiegħda fil-proċess li tissepara minn mar-raġel tagħha, Justin Borg. Mill-bidu tal-proċess, kull fejn tħares issib lill-eks raġel tagħha. Madankollu t-3 ta' Frar kienet l-aħħar darba li ratu hekk kif sfat maqtula, allegatament, minnu. Siegħat wara li ntlemaħ ikellem lil Chetcuti Borg tfaċċa quddiem il-Kwartieri Ġenerali bi ħwejġu mċappsa bid-demm.  

Madankollu sentejn wara Borg, b'allegazzjonijiet serji li ta madwar sitt daqqiet f'ras u f'għonq martu u b'kawża pendenti, imur jara Milan jara logħba futbol.  

Hekk sew? Din ma tkomplix tixhed li s-sistema qed tfalli lil dawn il-vittmi?  

Chantele Chetcuti
Chantele Chetcuti

"Din toffendina bħala nisa u irġiel u toffendi l-valuri tagħna wkoll. Dażgur li mhux sew. Ma nistgħux nagħtu l-impressjoni li inti tista' tagħmel li trid, tasal li toqtol lil xi ħadd imbagħad inti tkompli bil-ħajja tiegħek," sostniet b'rabja Coleiro Preca. Stqarret li dan huwa messaġġ mill-agħar u li jġib rabja kbira.  

Hija qalet li ma tistax tifhem kif persuna b'dawn l-allegazzjonijiet ħarġet mill-pajjiż. Saħqet li hija konvinta li hemm sistema ta' alert meta persuni li mhux suppost joħorġu mill-pajjiż jistgħu jinżammu lura. "Jekk il-każ li kien hemm dan l-alert u xorta siefer, mela s-sistema falliet hawn ukoll," qalet Coleiro Preca.  

Hawn l-ILLUM fakkritha li persuna bil-ħelsien mill-arrest ma tistax titlaq mill-pajjiż, jekk ma jkolliex permess mill-Qorti. Għal dan hija qalet "jekk ħareġ bil-permess tal-Qorti, is-sitwazzjoni hija ħafna aktar gravi."  

"Jekk ingħata permess ta' xi tip, naħseb li l-pubbliku għandu jkun infurmat ukoll. L-istampa kif tidher hija kerha ħafna, fuq kollox hawn mhux qed nitkellmu fuq każ ċivili iżda każ kriminali u għaldaqstant dan jissarraf bħala att kontra s-soċejtà," qalet Coleiro-Preca.  

Fuq din in-nota, l-ILLUM twaqqafha għal darb'oħra u tistaqsi: "vittma li qed tbati fis-silenzju ta' darha/daru kif se jieqfu għall-vjolenza, meta dawk li waqqfu lill aggressur tagħhom, sfaw vittma tas-sistema u ġew maqtula xorta?"  

Coleiro Preca temmet tgħid li każijiet bħal ta' Bernice Cassar u Chantelle Chetcuti jkomplu jitfgħu lura lill-vittmi milli jagħmlu l-pass li jmiss. Qalet li fil-każ ta' Cassar, li nafu li għamlet dak kollu meħtieġ biex tipproteġi lilha nnifisha u xorta sfat vittma "lanqas hemm aġġettivi biżżejjed biex tiddeskriviha u ma ninsewx li din it-traġedja ħalliet żewġt itfal orfni."  

More in Politika